Siġra tajba

It-Tmien Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju tal-lum huwa wkoll minn San Luqa, fejn Ġesù qiegħed ikellem lill-folla, li hemm fil-pjanura. Il-Ħadd li ġej, ikun l-Ewwel Ħadd tar-Randan, u Ġesù jirrakkonta tliet parabboli, li t-tema tagħhom hija d-dixxipulat. Id-dixxipulat huwa l-qalba tal-ħajja nisranija. Nitgħallmu li d-dixxiplu l-vera, irid ikun ġenwin, mingħajr kliem u azzjonijiet foloz. Huwa bniedem umli, li kliemu huwa pur u integru (onestà, prinċipji morali sodi).

L-ewwel parabbola tgħid li wieħed għama ma jistax imexxi ieħor li hu għama wkoll; dawk li jmexxu jew jgħallmu jridu jkunu umli u onesti, bħad-dixxiplu li jimxi wara l-għalliem u jitgħallem minnu. Iżda qabel ma nistgħu nkunu dixxipli tajba u ngħallmu lill-oħrajn, irridu l-ewwel nieħdu ħsieb l-imġieba tagħna. Tippruvax tneħħi tibna minn għajnejn ħuk, qabel ma tkun neħħejt travu minn tiegħek (it-tieni parabbola). Meta niffukaw fuq in-nuqqasijiet tal-oħrajn u nikkritikawhom, mingħajr ma nagħtu kas id-dgħufijiet tagħna, dan jista’ jwassal għall-konflitt u inkwiet. Li tkun dixxiplu tajjeb, tfisser ukoll li tagħti kas tal-imġieba tiegħek innifsek. Aħna d-dawl ta’ Alla fid-dinja, bil-grazzja ta’ Alla, aħna nirriflettu dan id-dawl, inkunu lesti wkoll li neżaminaw il-kuxjenza tagħna u nagħrfu l-bżonn li ninbidlu permezz ta’ Ġesù. Bħala ġenituri, aħna responsabbli għat-tkabbir fiżiku, emozzjonali u spiritwali ta’ uliedna, u jista’ jkun li xi drabi ma nsibux ħin għat-tkabbir spiritwali tagħna nfusna. Iżda jekk jirnexxielna, din tgħin ir-relazzjoni tagħna fil-familja u tgħinna biex imexxu u niggwidaw lit-tfal fil-mixja ta’ fidi tagħhom. It-tielet parabbola tgħallimna li wara li nkunu saffejna lilna nfusna, inkunu nistgħu nipproduċu l-għemil tajjeb li l-għalliem (Ġesù) jitlob minna. Dixxiplu tajjeb jingħaraf minn kliemu u mill-azzjonijiet tiegħu li huma riżultat tal-kondizzjoni tal-qalb. Fi kliem ieħor, kemm jien miftuħ għall-imħabba ta’ Alla? Siġar tajbin, jagħtu frott tajjeb, il-kliem tiegħek jixhdu dak li hemm f’qalbek. Hija l-qalb li tiddetermina l-frott tal-persuna, meta wieħed jisma’ u jimmedita l-Kelma ta’ Alla. Il-Lectio Divina huwa metodu ta’ talb bl-Iskrittura u jgħin biex wieħed jimmedita l-Kelma ta’ Alla. Matul din il-ġimgħa, ħu dan l-Evanġelju, jew xi parti oħra mill-Iskrittura, li togħġbok, u mmedita fuqha permezz tal-Lectio Divina (sib hawn taħt).

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 6, 39-45)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Il-parabboli fl-Evanġelju tal-lum, ifakkruna fl-importanza li nikbru spiritwalment. Bħala ġenituri rridu nkomplu nimxu l-mixja ta’ fidi, permezz ta’ tagħlim, talb u riflessjonijiet, biex b’hekk ngħinu lit-tfal jikbru spiritwalment ukoll.
  4. Ipprattika l-Lectio Divina, waħdek jew ma’ grupp fil-parroċċa, dan hu mod tajjeb kif tista’ tikber spiritwalment. (ara il-Lectio Divina)
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ippreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Luqa (6,  39-45)
    ii. Xemgħa
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid il-parabboli (stejjer li jgħallmuna dwar kif nistgħu nimxu wara Ġesù). Waħda minn dawn jisimha, “Is-siġra tingħaraf mill-frott.” Nitgħallmu kif Alla jgħin lin-nies jikbru u jipproduċu frott tajjeb. Alla jagħtina kulma għandna bżonn biex inkunu nies skont kif jixtieq hu.

  • Alla jgħinna nikbru u nagħmlu affarijiet tajba
  • It-tajjeb li nagħmlu nsejħulu ‘frott’ u Ġesù jgħid li nies tajba jipproduċu frott tajjeb, bħalma kull siġra tipproduċi l-frott tagħha. Aħna nkabbru l-‘frott’ tagħna ftit ftit kuljum.
  • Kopja tal-attività tal-lum
  • Karta l-qies ta’ 15x15cm
  • Imqass / kuluri
  • Gloj jew stapler

Darba Ġesù qal, li tista’ tkun taf x’hemm f’qalb ta’ persuna, skont il-frott li tipproduċi. X’taħsbu li ried ifisser? Ħafna frott jikber fis-siġar. Tistgħu ssemmu xi ħaġa minnhom? Tuffiegħ, larinġ, lanġas, lumi u ħawħ, huma ftit mill-eżempji. Ladarba aħna m’aħniex siġar, Ġesù ma kienx qed jgħid li għad nibdew inkabbru t-tuffiegħ minn idejna! Meta Ġesù qal li dawk li jimxu warajh ikabbru l-frott tagħhom, ma kienx qiegħed jirreferi għall-frott li nieklu. Allura dwar liema ħaġa kien qiegħed jitkellem? Hu qal li n-nies jikbru bħal siġra minn żerriegħa ċkejkna, meta ssib il-kundizzjonijiet tajba, u din tibqa’ tikber sakemm tipproduċi l-frott (is-siġar għandhom bżonn  ilma, ħamrija u d-dawl tax-xemx). Mhux ġisimna biss jikber, imma meta jkollna tmexxija tajba, jikbru wkoll moħħna u qalbna. Jekk nixtiequ nimxu wara Ġesù, inkunu rridu nagħmlu dawk l-affarijiet li jieħu gost bihom Alla. Jekk f’qalbna hemm it-tajjeb, aħna nagħmlu t-tajjeb. Jekk għandna l-ħażen, imbagħad nagħmlu affarijiet ħżiena. Meta nħallu lil Ġesù jieħu ħsieb qalbna, hu jagħtina qalb tajba biex inkunu nistgħu nagħmlu affarijiet tajba, bħal ngħinu lill-oħrajn, naqsmu dak li għandna u nirrispettaw lil min hu akbar minna. It-tajjeb li nagħmlu, insejħulu frott. X’tip ta’ frott qed tkabbar? Xi affarijiet tajba li tista’ tagħmel huma, li tħobb lill-oħrajn, tgħin fid-dar, jew tgħin lill-ħutek iżgħar, u titkellem ma’ Alla. Dawn kollha huma frott tajjeb. Mela ejjew nistaqsu lil Alla jgħinna biex inkabbru frott tajjeb.

Biex tibqgħu tiftakru x’inhu l-frott tajjeb, se tagħmlu basket tal-frott. Agħmlu kopja tal-attività tal-lum u l-frott agħtuh il-kulur. Wara aqtgħuhom. Biex tagħmel il-basket, itwi l-kantunieri fuq xulxin, u uża stapler jew gloj biex iżomm il-kantunieri flimkien (staqsi xi adult għall-għajnuna). Imbagħad tista’ tpoġġi l-frott tiegħek fil-basket.Waqt li qed tagħmel din l-attività, isma’, Speak up (Tell the World).

Inroddu s-salib.

Missier qaddis, jien irrid inkun siġra tajba u nipproduċi frott tajjeb. Għinni biex nagħmel dak li tixtieq inti. Għinni biex nikber ftit ftit kuljum, biex xi darba nkun dak li tixtieqni inti. Dan nitolbuh f’isem Ġesù Ibnek. Ammen.

Illum Ġesù jitkellem dwar il-fatt li kulħadd jagħmel affarijiet li huma ħżiena. Aħna lkoll nagħmlu żbalji, u għalhekk minflok ma nippuntaw lejn l-iżbalji tal-oħrajn, għandna l-ewwel nirranġaw dak li mhux tajjeb fl-imġieba tagħna.

  • Meta nimxu wara Ġesù nindunaw bl-iżbalji tagħna li weġġgħu lill-oħrajn u nġemmgħu t-tajjeb u l-imħabba f’qalbna, biex din naqsmuha mal-oħrajn
  • L-istampa tal-attività tal-lum
  • Lapes / kuluri

Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jgħid parabbola dwar it-tiben u t-travi li għandna f’għajnejna. Ġesù kien qiegħed jgħallem folla kbira ta’ nies, meta staqsiehom għalfejn kienu daqstant impenjati li jneħħu t-tibna minn għajnejn l-oħrajn, meta ma kienux qegħdin jagħtu kas tat-travu li kien hemm f’għajnejhom. Ma taħsbux li din hija ħaġa diffiċli ħafna biex tagħmilha? It-travu f’għajnejna ma jħalliniex naraw it-tibna f’għajnejn l-oħrajn. Intom taħsbu li Ġesù kien fil-fatt, qiegħed jitkellem dwar travi u tiben? (ma naħsibx!) X’taħsbu li ried jgħid Ġesù?

Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar meta niġġudikaw lill-oħrajn. Xi drabi nħarsu lejn l-oħrajn u niffukkaw fuq l-iżbalji tagħhom, anke l-iċken wieħed li jagħmlu u niġġudikawhom u nikkritikawhom. Xi drabi nippruvaw ukoll nikkoreġuhom, anke meta aħna stess inkunu għamilna żbalji ħafna akbar minn tagħhom. Ġesù qiegħed jgħidilna, li l-ewwel irridu nikkoreġu l-iżbalji tagħna u nbiddlu l-imġieba tagħna, qabel ma nistennew lill-oħrajn jinbidlu. Jekk ma nistgħux inkunu tajba u nagħmlu dak li hu tajjeb, kif nistennew li l-oħrajn ikunu tajbin? Li għandna nagħmlu, hu, li nfittxu lil Alla u nikkoreġu l-iżbalji tagħna, imbagħad inkunu nistgħu naraw b’mod aktar ċar, kif nistgħu ngħinu lill-oħrajn.

Mhux faċli li nbiddlu l-imġieba tagħna, iżda matul din il-ġimgħa se nippruvaw nagħmlu propju dan! Matul din il-ġimgħa staqsi lil Alla jgħinek tikkoreġi l-iżbalji tiegħek. Jekk inħalluh, Alla jgħinna. Meta nimxu wara Ġesù, qalbna timtela bl-imħabba u t-tjieba. Meta jkollna dawn f’qalbna nkunu rridu naqsmuhom mal-oħrajn. Ġesù jgħidilna li l-kliem li ngħidu jiġu minn dak li hemm f’qalbna.

Għamlu kopja tal-attività, tal-persuna li qalbha mimlija bl-imħabba u tjieba, u agħtuha l-kulur. Fl-ispeech bubble iktbu jew pinġu, dak li taħsbu qegħda tgħid din il-persuna. Tista’ wkoll tkun qed titkellem dwar dak li tixtieq li jsir biex id-dinja tkun aħjar, bħal bdil fil-klima, il-faqar u l-ġuħ f’ċerta pajjiżi.Isma’ s-song, Your Love for Me.

Inroddu s-salib.

Għażiż Ġesù, għinna nindunaw meta nkunu qed nagħmlu xi ħaġa li biha nweġġgħu lil xi ħadd. Għinna biex ninbidlu u nsiru l-persuni li tixtieq inti. Imla’ lil qalbna fl-imħabba u tjieba tiegħek, biex inkunu nistgħu nagħmlu u ngħidu dak li hu tajjeb. Ammen.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.