L-isfida tal-Evanġelju tal-lum, ma tantx ser tinżel tajjeb. Huma biss tliet kelmiet, iżda tliet kelmiet iebsa: “ħobbu l-għedewwa tagħkom.” Ġesù jridna nagħmlu pass diffiċli, pass li jmur kontra n-natura tagħna. Jekk xi ħadd iweġġagħni bi kliemu, l-istint mal-ewwel ikun li nweġġgħu lura. Jekk xi ħadd jagħmilli azzjoni ħażina, nara kif ser inpattijielu. Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, jgħidilna li għandna nagħmlu l-oppost ta’ dan! Ġesù jrid li aħna nġibu ruħna mal-oħrajn bl-istess mod li Alla jġib ruħu magħna. L-imħabba u l-ħniena ta’ Alla għalina ma tiddependix mill-imħabba tagħna għalih u lanqas ma tiddependi mill-mod kif ngħixu u nġibu ruħna. Alla dejjem jibqa’ jħobbna. Dan ma jfissirx li Alla japprova mġieba u azzjonijiet ħżiena. Dan ifisser li anke meta niżbaljaw, huwa xorta jibqa’ jħobbna. Alla jrid li aħna nħobbuh lura. Dan ifisser ukoll li nagħmlu dak li jixtieq hu u nimxu mal-oħrajn bi mħabba u ħniena u mhux skont ma nħossu li jistħoqqilhom. Ġesù, jgħidilna, “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.”
Dan ifisser li Ġesù jrid li nkunu tapit tal-oħrajn u nħalluhom jagħmlu li jridu bina? Ġesù huwa ta’ eżempju għalina. Meta, per eżempju, Ġesù ttieħed quddiem il-Qassis il-Kbir u suldat tah daqqa ta’ ħarta, Ġesù ma dawwarx wiċċu għal daqqa oħra. Bi kliem meqjus u kalm, staqsa għalfejn ingħata dik id-daqqa. Il-mistoqsija ta’ Ġesù ma turihx bħala ġifa. Hu kellu l-kuraġġ li jaqbeż għad-drittijiet tiegħu u jiddefendi lilu nnifsu mingħajr vjolenza jew rabja. Ġesù jrid li bl-eżempju tagħna, dawk ta’ madwarna, speċjalment dawk li naqsuna u li weġgħuna, jinbidlu huma wkoll. Dik hija l-imħabba li jrid Ġesù li aħna nwasslu lill-oħrajn biex jikkonvertu u jimxu warajh.