L-Evanġelju tal-lum isegwi tal-ġimgħa l-oħra, fejn iltqajna ma’ Ġesù fis-sinagoga ta’ Nazaret. Fil-qari tal-lum hemm żewġ temi li tajjeb li nirriflettu fuqhom: il-missjoni ta’ Ġesù bħala profeta għad-dinja kollha u r-reżistenza inevitabbli għall-messaġġ radikali tiegħu.
Wara li spiċċa jaqra mill-ktieb tal-profeta Isaija, Ġesù qal li dakinhar seħħet il-profezija u n-nies stagħġbu u “lkoll laqgħu kliemu.” Madanakollu Ġesù induna li huma ma kienux fehmuh u għalhekk jisfidahom biex jaċċettaw li Alla jilqa’ lil kulħadd u jitlobna biex inħarsu ’l hinn minn kunċetti u ideat predeterminati.
Ġesù jirreferi għall-istejjer ta’ Elija u Eliżew (profeti tat-Testment il-Qadim) li wkoll wasslu l-messaġġ ta’ salvazzjoni ta’ Alla lill-Ġentili u użaw l-eżempju tal-armla minn Sarefta u Nagħman tas-Sirja. Dawn it-tnejn kienu Ġentili li Alla għenhom permezz tal-profeti. Alla bagħat lil Elija biex jagħmel miraklu mal-armal ta’ Sarefta, belt li kienet tqim lill-idoli. Eliżew fejjaq lil Nagħman, Sirjan lebbruż, għalkemm ma fejjaq lill-ebda Lhudi marid bil-lebbra. Ġesù, ikkompara lin-nies ta’ raħal twelidu (Nazaret) mal-Lhud bla fidi, ta’ żmien Elija u Eliżew. Matul is-sekli, Iżrael dar kontra l-profeti li bagħat Alla, ma aċċettawx il-messaġġiera magħżula tiegħu. Minflok huma kienu jafdaw l-istint tagħhom u rrifjutaw lil Alla. Aħna nistgħu nagħmlu l-istess mistoqsija. Min hu Ġesù għalija? Profeta? Raġel qaddis? Mexxej reliġjuż impressjonanti? Jew huwa l-imgħallem u salvatur tiegħi?
Ġesù kompla u qal, “ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.” In-nies irrabbjaw għall-paragun li għamel Ġesù. Huma ma aċċettawx li dawk li ma kienux Lhud (il-Ġentili) setgħu igawdu wkoll il-barka ta’ Alla. Fir-rabja, in-nies qamu għal Ġesù u riedu jitfgħuh mill-irdum għal isfel. Huma riedu joqtluh. M’hemmx dettalji ta’ kif ħarab Ġesù. Nafu biss li hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Dakinhar, Ġesù sfidhom biex jaċċettaw li kulħadd jistħoqlu li jirċievi l-grazzja ta’ Alla. Il-messaġġ ta’ Ġesù hu għalina lkoll, iżda l-ewwel irridu nkunu nafu t-tagħlim tiegħu u nkunu miftuħa għall-imħabba tiegħu. Illum Ġesù qiegħed jisfidana. Lesti li naċċettaw din l-isfida?