Ir-raba’ Ħadd tal-Għid, insejħulu wkoll il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, huwa wkoll il-Ħadd tal-Vokazzjonijiet. L-Evanġelju huwa meħud mill-10 kapitlu ta’ San Ġwann. Ġesù jiddikjara li hu r-Ragħaj it-Tajjeb. “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.” Papa Ġwanni Pawlu II qal hekk: “kif nistgħu, f’dawn il-kliem, ma narawx referenza impliċita għall-misteru tal-Mewt u Qawmien tal-Mulej?” Liberament, Kristu ta lilu nnifsu fuq is-salib u qam bis-saħħa tad-divinità tiegħu. Din l-allegorija (simbolu) tar-ragħaj it-tajjeb għandha x’taqsam sew mal-misteru Paskwali u għalhekk il-Knisja tinkludiha fil-liturġija tal-Għid, għar-riflessjoni tagħna.
Qabel dan il-qari, f’kapitlu 9, Ġwanni jirrakkonta l-miraklu tar-raġel li kien għama minn twelidu. Il-mexxejja Lhud ma jaċċettawx dan il-miraklu u jistaqsu x’awtorità kellu Ġesù, biex ifejjaq. Ġesù jwieġeb u jgħid li hu r-Ragħaj it-Tajjeb. Ġesù jqabbel ir-relazzjoni tiegħu ma’ dawk li jimxu warajh, mar-relazzjoni ta’ ragħaj tajjeb u n-nagħaġ tiegħu. Ragħaj tajjeb jissogra u jagħti ħajtu biex jipproteġi lin-nagħaġ tiegħu. Ġesù, minn jeddu, jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-karatteristiċi li jidhru f’Ġesù, ta’ tenerezza, ta’ persuna li ma jaqtax qalbu, il-ħniena u għotja tiegħu nnifsu, jiġbru t-tmexxija ta’ Ġesù, li tinkludi azzjoni fiżika u ta’ mħabba, jagħti aktar kas tan-nagħaġ tiegħu, milli ta’ ħajtu.
Ġesù jqabbel l-azzjonijiet ta’ ragħaj tajjeb ma’ dawk ta’ wieħed mikri, li jabbanduna lin-nagħaġ hekk kif ikun hemm il-periklu. Ġesù, hawnhekk qiegħed jirreferi għall-Fariżej u l-mexxejja Lhud. Li jipproteġi huwa parti mix-xogħol ta’ ragħaj, imma importanti wkoll ir-relazzjoni u rabta li hemm bejn ir-ragħaj u n-nagħaġ tiegħu, b’kuntrast ma’ dak mikri. Ir-ragħaj tajjeb jaf lin-nagħaġ tiegħu u jimxi bi mħabba, dan mhux sempliċiment xogħol ieħor, l-imħabba fl-azzjonijiet tiegħu hija parti integrali mill-identità tiegħu.
Il-missjoni pastorali ta’ Kristu, hija universali, tinkludi lil kulħadd. B’imħabba kbira, Ġesù ta ħajtu għalina lkoll , u b’hekk irrivela wiċċ il-Missier lid-dinja kollha. Ġesù ta ħajtu għax ħabb. Hu ħabb lil kulħadd. Pemezz ta’ din l-imħabba, huwa kiseb il-post tar-Ragħaj it-Tajjeb.
Bħala nsara, aħna wkoll imsejħa li nagħmlu sagriffiċi b’imħabba, permezz tar-responsabbiltajiet u azzjonijiet tagħna għall-oħrajn. Il-kelma “sagrifiċċju” ma tantx hi popolari illum. Is-soċjetà aktar tiffavorixxi l-attitudni ta’ “jiena l-ewwel”. Il-kunċett tal-ġid komuni, ġieli jitwarrab minħabba gwadann u ambizzjoni personali. Iżda jekk inħarsu lejn Ġesù u l-eżempju tiegħu ta’ Ragħaj Tajjeb, nistgħu noffru lil dawk ta’ madwarna, mħabba, hena, paċi, sabar, ħlewwa, ħniena, tjieba, rażan u fidi, li San Pawl jgħidilna huma l-frott tal-Ispirtu s-Santu.
F’dan il-Ħadd, il-Knisja tfakkarna wkoll f’Jum il-Vokazzjonijiet. Aħna għandna nitolbu għall-mexxejja tal-Knisja u biex aktar nies ikunu msejħa għall-ħajja reliġjuża u saċerdotali. Kulħadd huwa msejjaħ għal xi vokazzjoni, u għalhekk, illum nistaqsu kemm qegħdin naqdu din il-vokazzjoni. Aħna qed nagħmlu l-almu tagħna biex naqdu r-rwol tagħna ta’ nsara, ġenituri, tfal, miżżewġin, ġirien, għalliema, tobba, nurses, ħaddiema pubbliċi, impjegati fil-ħwienet u tant oħrajn? Alla qiegħed isejħilna biex naħdmu għall-Evanġelju.