Santa Katarina ta’ Lixandra

25 ta' Novembru

Huwa maħsub li Santa Katerina ta’ Lixandra għexet għall-ħabta tas-sena 320 W.K. Hija kienet bint gvernatur pagan ta’ Lixandra, fl-Eġittu. L-istorja ta’ ħajjitha hija mdawra b’leġġendi u aneddoti li huma diffiċli biex jiġu ppruvati storikament. Madankollu, huwa magħruf li hija għexet fi żmien meta kien diffiċli tgħix ta’ Nisranija u tistqarr il-fidi tiegħek.

Minkejja dan kollu, Katerina – li kienet tħobb il-kotba u t-tagħlim – saret Nisranija permezz tal-istudji tagħha. Hija studjat il-fidi Nisranija b’entużjażmu kbir u bdiet tħabbar il-fidi tagħha lil kull min kienet tiltaqa’ miegħu.

Bis-saħħa tal-ħila tagħha fil-persważjoni u l-għarfien tal-fidi Nisranija, hija wasslet lil ħafna nies biex jikkonvertu għall-Kristjaneżmu. Katerina vvjaġġat minn Lixandra fl-Eġittu sa Ruma biex tiffaċċja lill-Imperatur, li kien qed jippersegwita lill-Insara. Hija ma ċedietx il-fidi tagħha meta ġiet imsawta u mitfugħa f’ħabs mudlam u taħt l-art. Hija kompliet bl-isforzi u l-ħila tagħha ta’ persważjoni biex twassal saħansitra lil dawk ta’ madwarha biex jagħrfu lil Kristu u jimxu warajh.

Katerina rrifjutat li tiċħad il-fidi tagħha u l-imħabba li kellha lejn Ġesù Kristu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-konvinzjoni soda tagħha fil-fidi swietilha ħajjitha; l-Imperatur kkundannaha biex tiġi maqtula b’rota mdawra bl-imsiemer. Imma meta ġew biex joqtluha, il-ktajjen tagħha nħallu u r-rota nkisret, waqt li l-imsiemer taru fl-arja u qaltlu xi wħud li kienu preżenti. Fl-aħħar qatgħulha rasha.

Kemm huma midħla tal-fidi tagħhom it-tfal tagħna? Ma nibqgħux indifferenti għal dak li jseħħ fl-esperjenzi tal-fidi ta’ wliedna. Nagħmlu sforz biex titkellmu mat-tfal dwar l-Evanġelju li jkunu semgħu waqt il-Quddiesa, u forsi wkoll dwar punt wieħed mill-omelija.

Uliedna jeħtieġ li jkunu sodi fil-fidi tagħhom jekk irridu li jsiru adulti Nsara li jkunuj kapaċi jieħdu pożizzjoni ċara u jixhdu l-valuri tagħhom; adulti li kapaċi jagħrfu t-tajjeb mill-ħażin mhux abbażi ta’ dak li jaraw u jisimgħu mingħand il-ħbieb jew fuq il-midja soċjali, iżda skont it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu.

  • Anke fi żminijietna, għad hemm nies kuraġġużi li jbatu l-martirju minħabba l-fidi tagħhom. Dan iseħħ f’pajjiżi fejn il-komunitajiet Insara ġew ippersegwitati għaliex dak li jħaddnu jitqies bħala theddida għall-grupp li għandu l-poter f’dak il-pajjiż. (Tfal akbar fl-età jistgħu jiġu mħeġġa jagħmlu riċerka dwar dawn il-każijiet.)
  • Fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aħna wkoll nistgħu niġu ‘persegwitati’ b’mod differenti. Jistgħu jwaqqgħuna għaċ-ċajt jew jirridikolawna għax għadna nattendu l-Quddiesa, jew saħansitra meta nagħmlu s-Sinjal tas-Salib fil-pubbliku, jew meta nitolbu qabel l-ikliet… anke f’ristorant. Jistgħu saħansitra jħarsu lejna bi stmerrija meta nitkellmu u niddefendu t-twemmin tagħna fil-Fidi.
  • Tkellem mat-tfal biex jesprimu dak li jħossu meta jiġri dan u dwar ir-reazzjoni tagħhom.
  • Ħeġġiġhom ikomplu juru l-konvinzjonijiet tagħhom fil-pubbliku, bi kburija.

Ħin tat-Talb mal-Familja:

Nitolbu lil Alla:

•         biex ikompli jagħti l-kuraġġ lil dawk li qed ibatu minħabba t-twemmin tagħhom.

•         biex isaħħaħna ħalli nkomplu nuru t-twemmin tagħna f’Ġesù Kristu permezz tal-mod kif ngħixu.

Santa Katerina kienet żagħżugħa sinjura minn Lixandra, l-Eġittu. Kienet intelliġenti ħafna, fil-fatt hija l-qaddisa patruna tal-filosfi u tal-istudenti, u wkoll ta’ dawk li jagħmlu r-roti. Stampi ta’ Santa Katerina jippreżentaw lil din il-martri b’kuruna, bi ktieb u b’rota.

Illum se nagħmlu rota, biex tgħinna aktar naħsbu dwar kif Santa Katerina għażlet li tiddefendi l-fidi tagħha!

Għandna bżonn biss stikka tal-lolipop, ftit tajjar, pipe cleaners u CDs antiki. Tinsiex tibgħatilna ritratt tar-rota li tagħmel biex intellgħuh fuq il-paġna tagħna!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.