L-Evanġelju tal-lum, jibda billi jpoġġina fi żmien partikolari. San Luqa jidħol fid-dettall ta’ min kien qiegħed imexxi, kemm fil-gvern, kif ukoll fit-Tempju. Ġesù beda l-ħajja ta’ tagħlim u fejqan, f’dan il-kuntest partikolari, it-tagħlim tiegħu u s-salvazzjoni li kisbilna permezz tal-mewt u qawmien tiegħu huma għal kulħadd, “il-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.”
Il-qari tal-lum huwa sinjifikattiv ħafna għal żmien l-Avvent. Permezz tal-Avvent, il-Knisja terġa’ tfakkarna biex neżaminaw il-ħajja tagħna u r-relazzjoni tagħna ma’ Alla, hija sejħa biex “niddrittaw il-mogħdijiet” fil-ħajja tagħna. Ġwanni sejjaħ għall-indiema … dan kien il-mod, kif ħeġġeġ lin-nies biex “iħejju t-triq tal-Mulej.” Li tindem ma jifissirx biss li jiddispjaċik għal dak li għamilt ħażin, iżda wkoll li tikkommetti ruħek li tinbidel.
Fil-bidu tal-quddiesa tal-lum, is-saċerdot jitlob hekk: “O Alla ħanin li tista’ kollox, agħmel li xejn fid-dinja ma jfixkilna aħna u nħaffu biex niltaqgħu ma’ Ibnek.” X’inhu dak li jista’ qiegħed ifixklek bħalissa? Kif tista’ tagħraf dan it-tfixkil? Meta “l-kelma tal-Mulej ġiet għand Ġwanni,” hu kien fid-deżert. Id-deżert huwa fejn ma niltaqgħux ma’ distrazzjonijiet, huwa ż-żmien fejn hemm biss Alla u int. Irridu nkunu aħna li nagħmlu dan il-pass u nidħlu fid-deżert biex inħallu lil Alla jkellimna u jbiddilna, permezz tat-talb, il-qari mill-Bibbja u il-ħin ta’ silenzju biex nagħtuh ċans jitkellem magħna. Meta nagħtu dan iċ-ċans lil Alla, hu jbiddilna biex insiru dak li ppjana għalina mill-bidu nett. Dak li ppjana Alla għal kull wieħed u waħda minna huma “pjanijiet ta’ ġid u mhux ta’ ħsara, li nagħtikom ġejjieni mimli tama.” (Ġeremija 29, 11)
Wara li Ġwanni laqa’ l-kelma ta’ Alla, ħareġ ixandar. Ma żammx din il-kelma għalih. Bħala ġenituri l-ewwel dmir huwa lejn it-tfal. Nafu li l-akbar mod kif jitgħallmu, huwa bl-eżempju. Għalhekk matul dan l-Avvent, għaraf irrifletti wkoll dwar l-eżempju li qed tagħti lit-tfal.