L-Evanġelju tal-lum ikompli ma’ tal-ġimgħa l-oħra. Fejn tal-ġimgħa l-oħra kien jinħass li qiegħed jitlob ħafna minna: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; … min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi,” l-evenġelju ta’ din il-ġimgħa jagħtina aktar kuraġġ. L-impenn li rridu nagħtu lilna nfusna lil Alla, jerġa’ jissemma fl-evanġelju tal-lum u jkompli biex jgħid li Ġesù jifhem li l-ħajja tista’ tkun iebsa u naslu f’punt li naqtgħu qalbna. Imma jrid li nemmnu li hu qiegħed dejjem magħna.
Ġesù ma jwegħidx l-impossibli, ma’ jwegħidx xi formula maġika. It-tbatija u l-gambetti tal-ħajja se naffaċċjawhom, imma hu jwiegħed li jagħtina l-paċi. Li jgħin biex it-toqol li qed inġorru jiħfief. Il-paċi li jagħtina Ġesù tgħinna biex inkunu nistgħu nimxu ’l quddiem, biex nikkonfrontaw is-sitwazzjoni li qegħdin fiha. Fil-fatt jista’ jkun li bl-għajnuna tiegħu, dawn is-sitwazzjonijiet koroh u diffiċli lilna jkabbruna u jsaħħuna.
Waħda mill-istejjer iddur fuq il-media soċjali kienet dwar l-immaniġġjar tal-istress. Kien hemm darba għalliem li kien qiegħed jagħti kors dwar l-immaniġġjar tal-istress u f’idejh kellu tazza mimlija bl-ilma. Staqsa kemm kienet tiżen din it-tazza. Ħafna offrew l-opinjoni tagħhom, imma l-ebda waħda ma kienet it-tweġiba li kien qiegħed ifittex l-għalliem. Għalkemm il-piż tat-tazza ma jinbidilx, jekk jien inżomm din it-tazza għal ħames minuti, ma tagħtinix fastidju, imma jekk inżommha għal siegħa, idejja ma nkunx nista’ niflaħhom. Il-piż ma nbidilx, imma aktar ma nżomm din it-tazza fit-tul, qisha aktar titqal! U l-istess jiġri lilna meta ma nfittxux l-għajnuna fid-diffikultajiet tagħna. Ġesù qiegħed iwegħdna li jekk induru lejh, hu se jkun hemm għalina.
Niftakru li Ġesù stess wasal f’punt fejn ħass li ma setax ikompli. Fl-ort tal-Ġetsemani, xtaq li kieku seta’ ma jgħaddix minn dak il-mument ta’ tbatija, imma ta lilu nnifsu f’idejn Alla. Hu rċieva l-kuraġġ u l-għajnuna li kellu bżonn. It-tbatija hemm baqgħet, ma ħarabx minna, imma ngħata l-kuraġġ u s-saħħa biex jgħaddi minnha. U dan huwa eżatt dak li qiegħed jistedinna biex nagħmlu aħna. Nafdaw fih, u nduru lejh fil-bżonnijiet tagħna. Fl-ewwel parti tal-evanġelju Ġesù jitkellem dwar “iċ-ċkejknin”. Biex nifhmu dak li jrid jgħidilna Ġesù ma rridux inkunu ta’ xi intelliġenza straordinarja, minflok irridu nkunu umli biex nilqgħu dak li jrid jgħidilna.