Il-qari tal-Evanġelju tal-lum, isegwi wara l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, hekk kif Ġesù u d-dixxipli sejrin lejn il-Galilija, territorju Lhudi fejn Ġesù diġà iffaċċja lill-Fariżej, li l-ħin kollu jisdifawh (ara Mark 7, 1-7).
F’dan il-qari, Ġesù jerġa’ jitkellem dwar il-passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-fatt li qiegħed ibassar it-tbatija tiegħu, turi li Ġesù qiegħed jagħraf il-periklu li ser jiltaqgħu miegħu u qiegħed fl-istess ħin jippreparahom għalih. Madanakollu, skont San Mark, id-dixxipli ma fehmux lil Ġesù u beżgħu jistaqsuh.
Meta waslu Kafarnahum, daħlu ġo dar. Ġesù staqsiehom x’kienu qegħdin jiddiskutu waqt li kienu mexjin. Id-dixxipli ma weġbuhx għax beżgħu. Ma tantx għandna ħjiel dwar xiex kienu qegħdin jargumentaw, forsi dwar il-familja, jew il-flus, jew kemm kellhom flus it-tfal; l-Evanġelju jgħid biss, “kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.” Ġesù, imbagħad sejjaħ lit-tnax li kien għażel u għallimhom xi ħaġa profonda. Hu qalilhom li min irid ikun l-ewwel fis-Saltna ta’ Alla, irid ikun qaddej tal-oħrajn. Jekk inti trid tkun kbir, trid tiċċekken, tkun il-qaddej tal-oħrajn; u mhux hekk biss, irid ikollok l-atteġġjament ta’ tifel (fil-kultura ta’ Ġesù, it-tfal u nisa, ma tantx kienu meqjusa).
Ġesù fil-fatt sejjaħ ħdejh tifel u qal li meta xi ħadd jaċċetta tifel f’isem Ġesù, ikun qiegħed jaċċetta lil Ġesù u lil dak li bagħtu. Ġesù jagħtina s-sempliċità u l-umiltà tat-tfal, bħala l-mudell għall-ħajja nisranija. Meta naqdu anke lill-iżgħar fostna, inkunu qegħdin naqdu lil Ġesù. Dan it-tagħlim huwa sorprendenti, huwa radikali, u wkoll jisfida l-kultura tal-lum, iżda fl-istess ħin jagħti nifs ġdid. Hemm il-ħelsin fl-umiltà, meta din tkun imsejsa fuq l-għarfien ta’ Alla u tagħna nfusna. Aħna nikbru fl-umiltà meta nagħrfu l-kobor ta’ Alla u ċ-ċokon tagħna. It-talba, ‘Alla huwa kbir,’ hija t-talba tal-umli. Qatt ħsibna dwar lil min Alla qiegħed isejħilna biex naqdu? Il-fidi tagħna għandha tagħmel differenza fil-mod kif inġibu ruħna mal-oħrajn. Fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum, aħna msejħa biex nirriflettu fuq l-ambizzjonijiet tagħna, u naraw jekk il-qadi tal-oħrajn, huwiex f’din il-lista.
Dalwaqt.