Kien jisimha Marija. Ngħidulha ‘Madalena’ għax kienet minn belt jisimha ‘Magdala’. Kienet waħda mill-ikbar ħbieb ta’ Ġesù. Kif bdiet din il-ħbiberija? Marija kienet ma tiflaħx u Ġesù fejjaqha; l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù keċċa seba’ spirti ħżiena minnha! Dan il-fejqan biddel il-ħajja ta’ Marija. Riedet issir taf min hu Ġesù, riedet issegwih, riedet tkun qrib tiegħu. U hekk għamlet!
Ġesù sejjaħ lit-tnax-il appostlu, u dawn ġew warajh u kienu jgħinuh fil-missjoni tiegħu. Lil Marija, Ġesù ma sejħilhiex biex timxi warajh, imma hi marret warajh minn rajha. Hi wkoll kienet tgħinu fil-bżonnijiet tiegħu, u fl-istess waqt kienet tisimgħu u tipprova tgħix dak li għallem.
Meta Ġesù kien għaddej mill-iktar mument diffiċli, jiġifieri fil-passjoni tiegħu, l-Appostli ħarbu għax beżgħu li jispiċċaw bħal Ġesù. Marija Madalena ma ħarbitx, anzi baqgħet ma’ Ġesù sal-aħħar. Meta Ġesù kien fuq is-salib, Marja kienet hemm mal-Madonna. U meta Ġesù qam mill-mewt, l-ewwel ma deher kien lilha u talabha tgħid lill-Appostli li Hu Qam mill-Mewt!
Marija ma stennietx li Ġesù jsejħilha imma xorta marret warajh, u baqgħet miegħu sal-aħħar. Mill-appostli u d-dixxipli kollhali kellu Ġesù, Marija Madalena kienet il-best friend tiegħu; hi baqgħet miegħu sal-aħħar u hi ħabbret lid-dinja li Ġesù qam mill-mewt. Ejjew inkunu bħalha: infittxu li nkunu qrib ta’ Ġesù bis-serjetà.