Magħkom dejjem

Trinità Qaddisa

Illum u l-Ħadd li ġej huma ġranet speċjali li jiffukaw fuq iċ-ċentralità tal-fidi tagħna. Il-Ħadd ta’ wara Pentkoste, niċċelebraw il-festa tat-Trinità Qaddisa. Din il-festa tistedinna biex naħsbu dwar it-twemmin tagħna dwar Alla Trinità. Alla wieħed, tliet persuni. Il-misteru tat-Trinità Qaddisa huwa l-misteru ewlieni tal-fidi u ħajja nisranija. Huwa misteru ta’ fidi li nistqarru kull darba li nroddu s-salib u ngħidu l-Kredu. It-tajjeb ta’ misteru, huwa, li dejjem hemm aktar x’wieħed jitgħallem dwaru! It-teologu Karl Rahner jgħid hekk: “il-misteru mhuwiex dak li jien ma nistax nagħraf,  iżda dak li ma nistax inkun naf dwaru biżżejjed.”

Il-qari tal-lum, li hu meħud mill-Evanġelju skont San Mattew, huwa qasir, iżda fih istruzzjonijiet, li huma relevanti llum, daqs kemm kienu għall-ħdax-il dixxiplu li ltaqgħu ma’ Ġesù fuq il-muntanja, skont kif kien ordnalhom.  Meta jaraw lil Ġesù jinxteħtu quddiemu jadurawh, għalkemm xi wħud żammew lura. Ġesù jersaq lejhom u jordnalhom biex jgħammdu u jgħallmu. Huwa l-aħħar kmand ta’ Ġesù, fejn jgħid lill-ħdax biex jgħallmu lill-ġnus kollha. Il-missjoni ta’ Ġesù, għaddiet għand id-dixxipli, li ġew imsejħa biex imorru mad-dinja kollha u jgħammdu fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu. Ġesù jagħtihom ukoll il-kuraġġ, meta jgħidilhom: “jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”. Dawn huma l-aħħar kelmiet tal-Evanġelju ta’ Mattew.

Il-wegħda ta’ Ġesù, li hu dejjem magħna, huwa ħsieb li jsostnina matul il-ġranet kollha tagħna. Fil-qari tal-lum, Ġesù jikkonferma li hemm tliet Persuni f’Alla wieħed.  Bħala nsara li rċevejna l-magħmudija, bħad-dixxipli, aħna msejħa biex nevanġelizzaw u nkunu xhieda ta’ Kristu. Il-qofol tan-nisrani huwa li jagħraf lil Alla. Għalkemm qatt ma nistgħu nifhmu l-misteru divin, permezz tat-Trinità, qisna għandna tliet mezzi li nsiru nafuh aktar, hekk kif jispjega C.S. Lewis, fil-ktieb, “Mere Christianity.” Alla huwa dejjem akbar mill-kapaċità tiegħi li nifhem, iżda nagħrfu minn dak li jurini dwaru huwa stess. Nista’ nagħraf lil Alla minn tliet aspetti, u nista’ nħobb ukoll fi tliet modi differenti. Meta nifhmu u nħobbu b’dan il-mod, it-Trinità ma tkunx domma daqstant ’l fuq minna, iżda hija l-qalba u l-qofol tat-twemmin tagħna. Illum, Alla jrid li nkunu mħeġġa dwar dan il-misteru ta’ Tlieta f’Wieħed.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (28, 16-20)

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu nistgħu nippruvaw nifhmu l-misteru tat-Trintà Qaddisa. Fl-ittra lill-Efesin (3, 14-20), San Pawl jagħti talba lil dawk li jemmnu. Fittex din it-talba u għidha matul din il-ġimgħa bħala għajnuna biex tifhem aħjar. 
  4. Alla tagħna, huwa Alla ta’ relazzjonijiet. Huwa Alla li nesperjenzaw fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Kull darba li nroddu s-salib u ngħidu: “Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu” nkunu qegħdin inxandru lil dawk ta’ madwarna li aħna nsara mgħammdin.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
  6. i. Bibbja bil-qari minn San Mattew (28, 16-20)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Meta Ġesù kien fid-dinja, kien bagħat stedina li kienet tgħid: “ejjew u imxu warajja.” Din hija stedina għal dawk kollha li jixtiequ jimxu wara Ġesù. Ġesù qal lid-dixxipli biex din l-istedina jwassluha lil kulħadd, lid-dinja kollha. Ġesù, jixtieq li anke aħna nwasslu din l-istedina.

  • Ġesù bagħat stedina lil dawk kollha li ltaqa’ magħhom
  • Ġesù qalilna biex ngħidu lil kulmin niltaqgħu miegħu li hu jħobbhom
  • Kartonċina kkulurita
  • Lapes u kuluri
  • Imqass u gloj
  • Il-mudell tal-istedina   

Wara li Ġesù qam mill-mewt, u ftit qabel ma tela’ s-sema, hu ltaqa’ mad-dixxipli fuq muntanja. Ġesù bagħat lid-dixxipli biex iwasslu l-messaġġ tiegħu ta’ mħabba lill-oħrajn. Riedhom jgħammdu lin-nies, fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu u dan il-messaġġ iwassluh lil kemm jista’ jkun nies.

Intom qatt mortu għal xi party? Seta’ kien party tagħkom stess u stedintu lill-ħbieb biex jiġu jiċċelebraw magħkom. L-ewwel li tagħmlu hu li tibgħatu l-inviti lil dawk kollha li tixtiequhom jiġu għall-party. Tista’ timposta l-inviti, u sakemm fihom il-bolol kif suppost, il-pustier iwassalhom fl-indirizz li hemm. Minflok tista’ twassal l-inviti, inti stess! Ġesù tana invit, biex nimxu warajh u nobdu t-tagħlim tiegħu. Kulħadd huwa mistieden. F’idejna nilqgħux jew le din l-istedina. L-istedina ndirizzata hekk: “lil dawk kollha li jixtiequ jiġu.” Minħabba li aħna mgħammdin, Ġesù għażel lilna wkoll biex inwasslu din l-istedina lill-oħrajn. Ġesù jrid li kull fejn inkunu, nitkellmu dwar l-imħabba tiegħu, dwar kif miet fuq is-salib minħabba d-dnubiet tagħna u wkoll kif qam mill-mewt u tela’ s-sema, fejn xi darba għad immorru aħna wkoll. Din vera stedina kbira mingħand Ġesù! Inti tixtieq tilqagħha?

Jekk it-tweġiba tiegħek hija, “iva”, allura tista’ tagħmel dak li staqsa Ġesù u tgħid lil ħaddieħor dwar l-imħabba tiegħu, u b’hekk ikunu jistgħu jimxu warajh huma wkoll. Jekk tixtieq tistieden lill-oħrajn, għamel printout tal-inviti u fuqhom, ikteb l-ismijiet tal-familja u tal-ħbieb. Aqta’ envelop minn kartonċina kkulurita u waħħal l-istedina fuqha. Itwiha biex tiġi bħal envelop u ikteb isem il-persuna li hija ndirizzata lilha fuq quddiem. Issa tista’ tqassamhom!

Sakemm qed tagħmel dawn l-inviti, isma’ din is-song, “I’m Following Jesus“.

Inroddu s-salib

Missierna li inti fis-smewwiet, nirringrazzjawk tal-imħabba tiegħek. Nirringrazzjawk li Ġesù ġie fid-dinja, biex aħna nistgħu jkollna l-ħajja ta’ dejjem. Nirringrazzjawk tal-Ispirtu s-Santu li jieħu ħsiebna u jmexxina. Għinna biex inkunu fidili lejk, u ngħidu lill-oħrajn kemm tħobbhom. Dan nitolbuh f’isem Ġesù. Ammen.

Illum Ġesù jgħallimna, li Alla mhux Persuna waħda, iżda tliet Persuni f’Alla wieħed. It-tliet Persuni huma Alla l-Missier, Alla l-Iben, li hu Ġesù, u Alla l-Ispirtu s-Santu. Lit-tliet persuni f’Alla wieħed, insejħulhom Trinità Qaddisa, u dan niftakruh, kull darba li nroddu s-salib.

  • Ġesù jurina li Alla hu mħabba, mhux Persuna waħda, iżda Missier, Iben u Spirtu s-Santu, dawn it-tliet Persuni huma t-Trinità Qaddisa
  • Permezz tal-magħmudija aħna naqsmu l-istess ħajja tat-Trinità Qaddisa
  • Metodu u ingredjenti biex tagħmlu l-pretzels
  • Għajnuna ta’ adult

Is-salib ta’ Ġesù huwa importanti għalina l-insara. Tant hu hekk, li qabel ma nitolbu, inroddu s-salib u ngħidu “fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Din waħedha, hija talba wkoll. Kull darba li nroddu s-salib, inkunu qed nagħrfu lit-Trinità Qaddisa, li bħala nsara nemmnu li hemm Tliet Persuni f’Alla Wieħed. Dan insejħulu wkoll misteru ta’ fidi u qatt ma nistgħu nifhmuh eżatt, inkella inkunu bħal Alla!

Illum nisimgħu l-aħħar parti mill-Evanġelju skont San Mattew, meta Ġesù jgħid lid-dixxipli biex imorru jgħallmu lid-dinja kollha. Jgħidilhom ukoll biex jgħammdu lin-nies “fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Dan ifakkarna fil-magħmudija tagħna, din kienet l-ewwel darba li ġejna mmarkati bis-sinjal tas-salib. Fil-magħmudija s-saċerdot jagħmel is-sinjal tas-salib fuq moħħna u jistaqsi lill-ġenituri u lill-parrini biex jagħmlu l-istess. Dan huwa l-mod kif niġu milqugħa fil-komunità nisranija. Is-saċerdot jerġa’ jsemmi lit-Trinità waqt li jkun qed jixħet l-ilma fuq rasna, tliet darbiet, waqt li jgħid, “Jiena ngħammdek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Ġesù ried lid-dixxipli biex jgħallmu lin-nies dwar l-imħabba tiegħu u biex jgħammdu f’isem it-Trinità. Dan huwa dak li s-saċerdot għamel fil-magħmudija tagħna, u dawn is-sinjali jfakkruna li permezz tal-magħmudija, naqsmu mill-ħajja tat-Trinità Qaddisa. 

Intom qatt kiltu pretzel? Tafu x’inhi? Hemm tradizzjoni li tgħid li patri Taljan, madwar is-sena 610 WK, ta lill-istudenti tiegħu għaġina moħmija f’forma ta’ idejn imsallba. F’dawk iż-żminijiet, meta xi ħadd jitlob kien isallab idejh. Biż-żmien, it-tliet toqbiet li hemm fil-pretzel saru simboli tat-Trinità Qaddisa. Għandkom il-metodu u anke clip ta’ kif tistgħu tagħmlu l-pretzels.

Tistgħu wkoll tisimgħu din is-song dwar it-Trinità.

Inroddu s-salib

Missier qaddis, nirringrazzjawk u nfaħħruk. Inti trid li nagħmlu dixxipli mid-dinja kollha. Għinna biex inkunu fidili u nwasslu l-imħabba tiegħek, ngħallmu t-tjieba ta’ Ibnek Ġesù u l-ħbiberija tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.

1. Id-dixxipli, skont il-Vanġelu tal-lum, telqu lejn post u telgħu fuq muntanja kif ordnalhom Ġesù. X'kien jismu l-post li marru fih?

Correct! Wrong!

2. Kif ra d-dixxipli tiegħu, Ġesù qalilhom li kienet ingħatat lilu xi ħaġa. X'kienet din?

Correct! Wrong!

3. F'isem min għandhom jgħammdu d-dixxipli, skont ma kkmandahom Ġesù?

Correct! Wrong!

4. Fl-aħħar tad-diskors tiegħu lid-dixxipli, Ġesù wegħedhom li hu...

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.