Flimkien ma’ Marija matul is-sajf:
Minbarra l-ġrajjiet tat-twelid ta’ Ġesù u l-ħarba lejn l-Eġittu, fl-Evanġelju nisimgħu żewġ ġrajjiet oħra ta’ meta Ġesù kien għadu żgħir. L-ewwel waħda hi meta l-Madonna ippreżentat lil Ġesù fit-Tempju, u l-oħra, meta Ġesù kien akbar. Ejjew nisimgħuhom it-tnejn.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (2, 22-52)
Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, ħaduh Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej, li ‘kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.
F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw
is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt
għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.”
Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.
Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.
Ta’ kull sena l-ġenituri ta’ Ġesù kienu jmorru Ġerusalemm għall-festa tal-Għid. Meta kellu tnax-il sena telgħu wkoll, skont id-drawwa ta’ dik il-festa. Wara li għaddew dawk il-ġranet qabdu t-triq lura, imma t-tfajjel Ġesù baqa’ Ġerusalemm bla ma kienu jafu l-ġenituri tiegħu. Huma ħasbuh qiegħed ma’ xi wħud li kienu fit-triq magħhom; iżda meta wara jum mixi fittxewh fost qrabathom u n-nies li kienu jafuhom, ma sabuhx, u għalhekk reġgħu lura Ġerusalemm ifittxuh.
Wara tlitt ijiem sabuh fit-tempju, bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu. Kif rawh, instamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda kliemu ma fehmuhx. Imbagħad niżel magħhom u raġa’ mar Nazaret; u kien jobdihom. U ommu kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha. U hekk Ġesù baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Tafu x’insejħula l-ġurnata ta’ meta Ġesù ġie ppreżentat fit-tempju? (il-Kandlora jew Gandlora)
Il-Kandlora tiġi 40 jum wara l-Milied, jiġifieri fit-2 ta’ Frar. Din il-festa tfakkarna li Ġesù huwa d-dawl li jmexxina fit-triq it-tajba.
Meta Ġesù kellu tnax-il sena, baqa’ fit-Tempju, għax ried jibqa’ fid-dar ta’ Alla. Hemmhekk ħassu kuntent. Ħassu kuntent għax lil Alla l-Missier kien jafu u kien iħobbu. Intom kif tħossukom meta tmorru l-knisja?
Marija tgħallimna li:
Ngħidu r-raba’ u l-ħames misteru tal-Ferħ.
Ġesù, aħna rridu nħallu lilek tmexxina, agħtina l-għerf biex nagħmlu għażliet tajba.
Grazzi Ġesù li inti dejjem magħna, ħallina nindunaw meta ersaqna l-bogħod minnek, biex nerġgħu nersqu qrib.
Ngħidu s-Salve Reġina.
Il-Blandun, jirrappreżenta lil Ġesù, li hu d-dawl tagħna. Meta l-papa jixgħel ix-xemgħa tiegħu mill-Blandun, ikun qiegħed jagħmel wegħda f’isem il-ġenituri (jew dawk li jieħdu ħsieb lit-tarbija) li huma ser jgħinu lil din it-tarbija biex issir taf lil Ġesù.
Għadha għandkom ix-xemgħa tal-magħmudija tagħkom?
F’waħda minn dawn il-ġranet, meta tkunu kollha flimkien għall-ikel, ippreparaw xemgħa kull wieħed (tistgħu tużaw tal-magħmudija jekk għandkom), ftit ilma mbierek, kurċifiss jew stampa ta’ Ġesù. Qabel l-ikel għamlu din iċ-ċerimonja qasira.
Baxxu d-dawl kemm jista’ jkun.
Wieħed wara l-ieħor, duru fuq ta’ ħdejkom u bi ftit ilma mbierek, tagħmlu s-sinjal tal-salib fuq moħħ dik il-persuna, u tgħidu: ‘Kun imbierek, fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.’
Wara, ixgħelu x-xemgħat, imbagħad xi ħadd jistaqsi l-mistoqsijijiet, u l-bqija jwieġbu.
Tiċħad lix-xitan? Iva niċħad.
Tiċħad l-egħmil kollu tiegħu? Iva niċħad.
Tiċħad it-tlellix fieragħ kollu tiegħu? Iva niċħad.
Temmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox li ħalaq is-sema u l-art? Iva nemmen.
Temmen f’Ġesù Kristu, Sidna, l-Iben waħdieni tiegħu, li twieled minn Marija Verġni, u bata u miet u difnuh, qam minn bejn l-imwiet u qiegħed fil-lemin tal-Missier? Iva nemmen.
Temmen fl-Ispirtu s-Santu, il-Knisja Mqaddsa Kattolika, ix-Xirka tal-Qaddisin, il-maħfra tad-dnubiet, il-qawma ta’ l-Imwiet, u fil-ħajja ta’ dejjem? Iva nemmen.
U Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li nissilna mill-ġdid bl-ilma u l-Ispirtu s-Santu u tana wkoll il-maħfra ta’ dnubietna, iħarisna bil-grazzja tiegħu f’Ġesù Kristu għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
X’tistgħu tagħmlu matul dan is-sajf biex intom tikbru fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja? Alla tana moħħ biex naħsbu, meta nitgħallmu nkunu qegħdin nużaw dan ir-rigal li tana Alla. X’nistgħu nagħmlu biex nikbru f’dak li nafu? (naqraw kotba, nitgħallmu nagħmlu xi ħaġa ġdida, anke fid-dar, insajru per eżempju, ngħumu fit-tul…)
Kif nistgħu nikbru fis-snin? Qatt smajtu lil xi tifel jew tifla u jiddeskrivuh/a bħala ‘qisek raġel/mara żgħir/a’? Dan ifisser li għalkemm għadek żgħir fl-età, taf iġib ruħek b’responsabbiltà u ta’ min jafdak. X’tista’ tagħmel biex tikber fis-snin? (jekk għandna nagħmlu xi ħaġa, nagħmluha mal-ewwel u mhux nittrattjenu, inkunu responsabbli tal-affarijiet tagħna: il-ħwejjeġ inpoġġuhom f’posthom, il-pets nieħdu ħsiebhom, il-kamra tagħna nżommuha pulita, nagħmlu s-sodda tagħna…)
Kif ser nikbru fil-grazza quddiem Alla? (naqraw il-Bibbja, nitolbu, immorru l-quddies, nitgħallmu xi talb li għadna ma nafux, fis-sezzjoni riżorsi ssibu numru ta’ talbiet kemm tradizzjonali u kif ukoll talb ieħor.
Kif ser nikbru fil-grazzja quddiem il-bnedmin? Nikber quddiem l-oħrajn meta jien inħobbhom u ngħinhom.
Morru fil-knisja tal-parroċċa tagħkom, jew f’xi knisja oħra u araw issibux xi pittura tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù u ta’ meta Ġesù baqa’ fit-Tempju.
Jekk tkunu Għawdex, morru fil-knisja tal-Madonna ta’ Pinu, u hemmhekk issibu żgur il-misteri kollha tar-rużarju.
Ftakru ħudu ritratt u ibagħtuhulna!
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.