F’dawn l-aħħar ġimgħat konna qegħdin nisimgħu kif il-folla u anke d-dixxipli ma għarfux l-identità propja ta’ Ġesù. Illum naraw lil Ġesù jistaqsi lid-dixxipli dwar dak li kienu qed jgħidu n-nies fuqu, u staqsa: “Min jgħidu n-nies li jien?” Wara li jisma’ dak li kellhom xi jgħidu, il-mistoqsija jirrepetieha din id-darba b’mod personali, “Imma intom, min tgħidu li jien?”
Huwa Pietru li għan-nom tal-oħrajn iwieġeb lil Ġesù. It-tweġiba hija perfetta: “Inti l-Messija,” iżda r-reazzjoni ta’ Pietru wara li Ġesù jfiehem dak li kellu jgħaddi minnu, turi li dan ma kienx il-Messija li xtaq Pietru. Il-Lhud kienu ilhom jistennew lill-Messija. Ħafna stennew li dan il-ħellies ser idur kontra r-Rumani u jeħlishom minn taħt idejn dawn il-mexxejja. Madanakollu Ġesù mhux talli ma jwiegħedx xi konfoffa kontra r-Rumani, iżda jgħid li ser ibati, jmut u wara tlett ijiem jerġa’ jqum. Pietru wkoll ma setax jaċċetta li Ġesù, li kien il-Messija, kien ser ikollu jbati u jmut. Wara r-reazzjoni ta’ Pietru, Ġesù jkellem mhux biss lid-dixxipli, iżda wkoll lin-nies li kienu hemm u jgħidilhom li min irid jimxi warajh irid jerfa’ salibu. F’dawk iż-żminijiet, is-salib kien mistmerr. Il-ħallelin u nies ħżiena kienu jingħataw il-mewt fuq is-salib. Kienet mewta ta’ tbatija u anke ta’ mistħija, minħabba li huma kienu jkunu mġielgħa jitilgħu bis-salib fuq daharhom sal-post fejn isallbuhom. Din aħna nafuha sew, għax hija fil-fatt il-mewt li ngħatat lil Ġesù. Meta Ġesù qal dawn il-kliem, ma kienx qed ifisser li dawk li jimxu warajh ser jingħataw il-mewt. Għalkemm ukoll, ħafna kienu li taw u għadhom jagħtu ħajjithom għall-imħabba tiegħu. Ġesù qiegħed jgħid lil kull wieħed u waħda minna li biex inkunu dixxipli tiegħu, aħna ser ngħaddu minn ħajja ta’ għażliet li magħhom jistgħu wkoll iġibu t-tbatija. Li nimxu wara Ġesù mhijiex għażla ta’ ħajja komda. Ġesù jwiegħed ukoll, li wara din it-tbatija u impenn biex nimxu warajh, ser inkunu ppremjati, bil-ħajja ta’ dejjem.
Ħadd ma jitlob li jkollu salib fil-ħajja. Meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli nitolbu li jfittex jgħaddi. Anke Ġesù, fl-ort tal-Ġetsemani talab biex jiġi meħlus mit-toqol tas-salib li kien qiegħed jistennih. Minkejja dan, għaliex hu kien ubbidjenti għar-rieda tal-Missier u b’fiduċja sħiħa fih, huwa jaċċetta li jbati, jiġi msallab u jmut. Kif nafu, l-istorja ma tieqafx hemm, għax kif jgħidilna llum Ġesù, wara tlitt ijiem jirbaħ lill-mewt. Għalhekk li nerfgħu salibna, tfisser li ngħixu bħal Ġesù, biex wara din il-ħajja, nirċievu dak li wegħdna: il-ħajja ta’ dejjem.