Waqt is-salm responsorjali, illum weġibna, “Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja,” dawn huma kliem meħudin mill-Evanġelju skont San Ġwann (6, 63) u jesprimu l-messaġġ tal-qari tal-Evanġelju tal-lum li hu mill-bidu tal-Evanġelju ta’ San Luqa. Fil-fatt, il-qari kollu tal-lum, huwa proklamazzjoni tal-Iskrittura. X’inhi l-Iskrittura? Hija l-Kelma ta’ Alla. Fl-2019, Papa Franġisku, f’Ittra Appostolika, iddikjara t-tielet Ħadd tas-Sena (illum) bħala l-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla. Huwa importanti għalina l-insara li nkunu midħla tal-Kelma ta’ Alla biex b’hekk inkunu nistgħu ngħadduha lill-oħrajn.
Esdra il-qassis, kellu rwol importanti fir-restawrazzjoni ta’ Ġerusalemm meta l-poplu ġie lura mill-eżilju f’Babilonja. Il-profeta Nehemija, jiddeskrivi kif waqt li Esdra qara l-Iskrittura lin-nies, qalbhom kienet imħeġġa u huma bkew waqt li semgħu dan il-kliem. Huma kienu lesti li jilqgħu din il-kelma. Il-Kelma ta’ Alla tmissilhom qalbhom minħabba li hija kelma konvinċenti.
San Luqa jirrakonta meta Ġesù jmur lura Nazaret fil-bidu tal-ministeru tiegħu u jidħol fis-sinagoga. Kien is-Sibt. Hu jqum u jaqra mill-ktieb ta’ Isaija u kliemu huwa konvinċenti. Dawn huma n-nies li għex magħhom u huma jisimgħu lil Ġesù jiddikjara li huwa hu dak li tkellem dwaru il-profeta Isaija. Huwa hu dak li kien imwiegħed minn Alla u li kellu jagħti l-ħelsin lill-imjassrin. Din l-aħbar hija ċ-ċentru tal-aħbar it-tajba ta’ Ġesù. Il-missjoni tiegħu hi li jgħin lill-emarġinati tas-soċjetà. Mhux ta’ b’xejn li “għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu” speċjalment meta qal, “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.
Nistaqsu lilna nfusna, u naraw x’inhi t-tweġiba tagħna għall-Kelma ta’ Alla, u nikkomparawha ma’ ta’ dawk li semgħu lil Esdra u lil Ġesù. Il-Kelma ta’ Alla ‘tħeġġeġ’ f’qalbi? Tmissli qalbi b’tali mod li nibki? Meta naqra l-Bibbja, għandi naqrha bil-mod. Nieqaf u nirrifletti fuq dak li qrajt, u nitlob. Nistaqsi, dan il-kliem x’qiegħed jgħidli. Lectio Divina, huwa mod kif nistgħu nsiru familjari mal-Kelma ta’ Alla. Mod ieħor huwa li nattendu laqgħat ta’ formazzjoni.