Magħna għall-dejjem

Tlugħ fis-Sema tal-Mulej

Erbgħin jum wara li qam mill-mewt, Ġesù jmur għand il-Missier. Erġajna qed niltaqgħu man-numru erbgħin. Smajnih fil-bidu tar-Randan, meta Ġesù mar fid-deżert u baqa’ hemm għal erbgħin jum. Mosè kien tela’ fuq il-muntanja u dam hemmhekk għal erbgħin jum. Il-poplu ta’ Iżrael dam erbgħin sena fid-deżert u qabel Mosè għex għal erbgħin sena fl-Eġittu. In-numru erbgħin niltaqgħu miegħu diversi drabi fl-Iskrittura. Dan in-numru jintuża biex juri tranżizzjoni minn żmien għal ieħor. Meta jissemma dan in-numru tissemma wkoll xi ġrajja sinifikanti u straordinarja. 

Matul l-erbgħin jum li Ġesù baqa’ jidher lill-appostli, hu kompla jħejjihom għax-xogħol li kien se jafda f’idejhom. Meta Ġesù tela’ fis-sema, beda l-ministeru l-ġdid tad-dixxipli, li kellhom il-missjoni li jkomplu dak li beda Ġesù. Hu kien jaf li dak li kien qiegħed jitlobhom, ma kienx faċli. Minħabba dan, hu wiegħedhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Bl-istess mod, lanqas lilna ma jħallina waħedna. Aħna lkoll msejjħa li nwasslu lil Ġesù, għand l-oħrajn. Bħala ġenituri, hija responsabbiltà tagħna li nwasslu lil Ġesù għand uliedna. Bħad-dixxipli, l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa u l-għerf biex naqdu dan id-dmir. Ġesù ma telax fis-sema u ħalliena nitqabdu waħedna. Lid-dixxipli u lilna, Ġesù jridna nwasslu lill-oħrajn għall-indiema, irid li aħna nkunu xhieda tiegħu. Din mhijiex missjoni faċli. Waħedna mhux se nagħmlu xejn. Għalhekk, għandna bżonn il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, biex negħlbu d-dgħufijiet, it-tfixkil u l-beżgħat tagħna. Meta aħna naslu li naċċettaw u nifhmu li Ġesù għadu magħna u li l-Ispirtu s-Santu jagħtina dak li għandna bżonn biex naqdu dak li aħna msejħa għalih, imbagħad bħad-dixxipli nistgħu ‘mimlija bil-ferħ, il-ħin kollu, inbierku lil Alla.’

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (Lq 24, 46-53)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu”.

Imbagħad ħadhom sa ħdejn Betanja, u rafa’ jdejh u berikhom. U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien meħud fis-sema. Huma nxteħtu fl-art jagħtuh qima, u mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Ġesù jbierek lid-dixxipli. Hija parti mir-rutina tagħkom bħala ġenituri li tbierku lit-tfal tagħkom? M’hemmx għalfejn xi ħaġa elaborata. Tistgħu tgħidu: “Kun imbierek, fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Tistgħu tagħmlu l-forma tas-salib b’subgħajkom fuq ġbin it-tfal, waqt li tberkuhom. Jekk għandkom, tistgħu tużaw l-ilma mbierek. Berkuhom qabel ma jorqdu, qabel ma jmorru l-iskola; ma hemmx ħin jew età, dejjem tajjeb li tberkuhom. 
  4. Ġesù ma ħalliniex waħedna. Bagħtilna l-Ispirtu s-Santu li aħna rċevejna fil-magħmudija u b’qawwa speċjali fil-griżma tal-Isqof. Il-Ħadd li ġej niċċelebraw il-festa ta’ Pentekoste. Matul din il-ġimgħa, idħol fid-drawwa li titlob lill-Ispirtu s-Santu, biex imbagħad tibqa’ ddur lejh anke fil-ġimgħat ta’ wara. Hawnhekk, tista’ ssib xi talb biex jgħinek: https://www.laikos.org/novena-ghid-il-hamsin.htm 
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Luqa (24, 46-53)
    ii. Xemgħa kbira bajda
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Wasal iż-żmien biex Ġesù jmur ħdejn Alla l-Missier. Ejjew naraw Ġesù x’qal lill-ħbieb tiegħu qabel ma hu tela’ s-sema.

  • Għalkemm lil Ġesù ma nistgħux narawh, hu qiegħed magħna
  • Fliexken li jagħmlu l-bżieżaq tas-sapun, inkella ħaltu ftit sapun tal-platti mal-ilma ġo reċipjent u wżaw għaġin bħall-makkarunelli biex tagħmlu l-bżieżaq

Fejn mar Ġesù? (Ġesù tela’ fis-sema)

Ħdejn min taħsbu li mar Ġesù? (Ġesù mar ħdejn il-papa tiegħu – Alla l-Missier)

Taħsbu li l-ħbieb tiegħu, kienu se jimmissjawh lil Ġesù?

Ġesù ma setax jibqa’ dejjem mal-ħbieb tiegħu. Hu kellu jmur il-ġenna. Madanakollu, qabel ma mar, hu tkellem għall-aħħar darba mad-dixxipli tiegħu u qalilhom xi xtaq mingħandhom. Hu ried li huma jkomplu jagħmlu dak li kien jagħmel hu: jgħallmu lin-nies dwaru u jgħinu u jħobbu lin-nies. Ġesù ried li d-dixxipli jgħinu lin-nies biex isiru ħbieb tiegħu. Taħsbu li kien se jkun faċli għall-ħbieb ta’ Ġesù biex jagħmlu dan kollu?

Ġesù kien jaf li waħedhom, id-dixxipli ħbieb tiegħu, ma kienx ser jirnexxielhom jgħixu u jagħmlu dak kollu li qalilhom. Għalhekk jgħidilhom li mhux ser iħallihom waħedhom. Ġesù qalilhom li għalkemm ma jkunux jistgħu jarawh, hu ser ikun magħhom. Wiegħedhom ukoll li jibgħatilhom lill-Ispirtu s-Santu biex jagħtihom il-kuraġġ u l-qawwa. 

Kif taħsbu li ħassewhom id-dixxipli meta Ġesù qalilhom hekk?

Kienu ferħana għax kienu jafu li Ġesù se jibqa’ magħhom dejjem, anke jekk ma setgħux jarawh u jkellmuh kif kienu jagħmlu qabel. 

Lanqas aħna ma nistgħu naraw lil Ġesù bl-għajnejn. Madanakollu bħall-ħbieb tiegħu, aħna nemmnu li hu qiegħed dejjem ħdejna. 

Qabel ma tela’ s-sema, Ġesù ta lill-ħbieb tiegħu biċċa xogħol x’jagħmlu. Hu xtaq li dan ix-xogħol jagħmluh għax kienu jħobbuh. Anke lilna jagħtina x’nagħmlu. L-ewwel ħaġa li jixtieq mingħandna hija li nsiru nafuh u li nsiru ħbieb tiegħu. Hu jixtieq li aħna nitkellmu miegħu kif nitkellmu mal-ħbieb tagħna. Meta aħna nitkellmu ma’ Ġesù nkunu qegħdin nitolbu. Hemm modi differenti kif aħna nitolbu. Illum se nitolbu b’mod differenti. Għandkom il-fliexken li jagħmlu l-bżieżaq tas-sapun. Aħna għidna li Ġesù tela’ s-sema. Mela issa ħa nibgħatu t-talb tagħna għandu. Ibdew onfħu l-bżieżaq u kull darba ħarsu lejn il-bużżieqa tiela ’l fuq u għidu talba. Tistgħu tgħidu talb bħal, ‘grazzi Ġesù ta’ din il-ġurnata sabiħa’, ‘grazzi Ġesù li qegħdin nieħdu gost nitkellmu miegħek’; tistgħu titolbu għal xi ħadd, ‘Ġesù ħu ħsieb it-tfal li qed jgħixu f’pajjiżi fejn hemm il-gwerra’, ‘Ġesù fejjaq lit-tfal li huma morda.’ Kulħadd jista’ jkollu ċans jonfoħ dawn il-bżieżaq u jitkellem ma’ Ġesù.

Inroddu s-Salib

Għażiż Ġesù, aħna nafu li inti qomt mill-mewt u issa qiegħed il-ġenna. Aħna ma nistgħux narawk, imma nemmnu li inti qiegħed ħdejna u tieħu ħsiebna. Illum nixtiequ nitolbu għal dawk kollha li lilna jgħallmuna dwarek, għall-ġenituri tagħna, għan-nanniet, għalliema, katekisti u saċerdoti. Aħna rridu nsiru ħbieb kbar tiegħek. Ammen.

Bħala parti mit-talba, isimgħu, Jesus I love you.

Fl-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu dwar l-aħħar laqgħa li Ġesù kellu mad-dixxipli. Hu jitlaq minn ħdejhom biex imur lura ħdejn Alla l-Missier, iżda jwiegħedhom li jibgħatilhom l-għajnuna. Ejjew nisimgħu aktar dwar din l-għajnuna li jagħtihom u dwar kif ħassewhom d-dixxipli.

  • Għalkemm lil Ġesù ma narawhx, hu qiegħed magħna, u jieħu ħsiebna. 
  • Ġesù tana l-Ispirtu s-Santu biex jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ biex inkunu dixxipli ta’ tiegħu
  • Kartonċina blu, kulur is-sema
  • Kopji tas-sħab – l-attività tal-lum
  • Lapes
  • Gloj 
  • Imqass

Wasal iż-żmien, biex Ġesù  jmur lura ħdejn Alla l-Missier. Kienu saru jafuh ħafna nies, kien għallem ħafna nies, iżda Ġesù ried li dak li beda hu ma jieqafx. Għalhekk ried li l-appostli jibqgħu jgħallmu lin-nies dwaru u juruhom kif jistgħu jgħixu fil-mod li ried hu. Kieku l-appostli ma aċċettawx li jagħmlu dan, kieku aħna x’aktarx ma nafu xejn dwar Ġesù! Dan mhuwiex il-każ, għax għal dawn is-snin kollha, dejjem kien hawn nies li emmnu f’Ġesù, imxew warajh, u għamlu dak li xtaq hu, fosthom li jgħallmu lill-oħrajn.

Lilkom min jgħallimkom dwar Ġesù?

Dawn huma nies li bħad-dixxipli obdew lil Ġesù biex ikomplu x-xogħol li beda hu. Dan ma għamluhx waħedhom, imma bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Qabel ma tela’ s-sema, Ġesù wiegħed li jibgħat lill-Ispirtu s-Santu fuq id-dixxipli biex jagħtihom l-għajnuna, il-kuraġġ u l-qawwa biex ikomplu x-xogħol li kien beda hu. 

Tafu li Ġesù jkellem lilkom it-tfal ukoll? Anke lilkom, Ġesù jgħidilkom biex tkomplu x-xogħol li beda hu. X’tistgħu tagħmlu intom biex tagħmlu kif għamel Ġesù?

Biex jirnexxielkom tagħmlu dawn l-affarijiet li semmejtu, bħad-dixxipli, intom għandkom bżonn l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu. Fil-magħmudija, aħna lkoll rċevejna l-Ispirtu s-Santu u nerġgħu nirċevuh b’qawwa speċjali fil-griżma tal-Isqof. Permezz ta’ dawn is-sagramenti, l-Ispirtu s-Santu jagħtina l-qawwa u l-kuraġġ biex inkomplu fuq il-passi ta’ Ġesù. Mhux dejjem faċli li nimxu wara Ġesù; huma dawn is-sagramenti li jagħtuna d-doni li għandna bżonn biex inkunu dixxipli tiegħu. 

Għalkemm lil Ġesù ma narawhx, hu qiegħed dejjem ħdejna. Meta aħna nuru mħabba lejn l-oħrajn, inkunu qegħdin nuruhom li Ġesù qiegħed magħna. U meta aħna, nirċievu l-imħabba, inkunu qed naraw li Ġesù qiegħed magħhom.

Tiftakru x’għamlu d-dixxipli wara li Ġesù tela’ s-sema?

Huma kienu ferħanin, għax għalkemm lil Ġesù ma baqgħux jarawh, emmnu li se jkun magħhom. Marru fit-tempju jfaħħru u jbierku lil Alla. Kif nistgħu aħna wkoll infaħħru u nbierku lil Alla? Infaħħru lil Alla meta nsemmu l-kwalitajiet tiegħu u nirringrazzjawh tagħhom, per eżempju, ‘Infaħħrek Mulej, għax inti ħlaqt dak kollu li hu sabiħ’, ‘Infaħħrek Mulej, għax inti mħabba’, ‘Infaħħrek Mulej, għax jiena speċjali għalik’, ‘Infaħħrek Mulej, għax inti dejjem tibqa’ tħobbni’. 

L-attività tal-lum se tgħinna nfaħħru lil Alla. Illum smajna kif Ġesù tela’ s-sema u mar ħdejn Alla l-Missier. Għalhekk il-kartonċina blu  u s-sħab se jfakkruna fis-sema. Kulħadd (anke l-adulti) se jieħu tal-anqas żewġ disinji ta’ sħab u fuqhom jikteb talba ta’ tifħir lil Alla. Is-sħab waħħluh fuq il-kartonċina. Din il-kartonċina ħalluha f’post fejn tarawha, biex kull meta tgħaddu minn quddiemha, taqraw waħda minn dawn it-talbiet ta’ tifħir.

Waqt li qegħdin twaħħlu s-sħab fuq il-kartonċina, isimgħu, We praise you.

Inroddu s-salib.

Bħala talba, kulħadd jista’ jaqra t-talbiet li kiteb.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.