Illum nerġgħu nisimgħu qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew, hekk kif qegħdin fiż-żmien ta’ matul is-sena (Żmien Ordinarju). Nisimgħu kif Ġesù wera mħabba u qalb tajba man-nies. Hu juri mħabba, meta jfejjaq lin-nies u jgħallimhom dwar l-imħabba ta’ Alla. Ġesù jixtieq li l-ħbieb tiegħu jkomplu x-xogħol tiegħu. Għalhekk isejjaħ lill-appostli u jagħtihom struzzjonijiet ta’ kif kellhom jaqdu s-sejħa li kien għamlilhom. Ġesù jaqsam il-missjoni tiegħu biex ixandar is-Saltna tas-Sema mad-dixxipli, aktar minn elfejn sena ilu, u llum jaqsamha magħna.
Kif għandna nevanġelizzaw? L-Evanġelju tal-lum ifiehem li l-ħaddiema huma ftit, iżda l-ħsad huwa kbir. Aħna l-ħaddiema, fil-ħajja tal-familja tagħna, fuq il-post tax-xogħol, u fil-parroċċa tagħna. Irridu nkunu lesti li nagħtu xhieda tat-twemmin tagħna, li nkunu d-dawl ta’ Kristu għall-qraba, ħbieb u barranin. Bħala Knisja rridu nkomplu l-missjoni ta’ Kristu. Papa Ġwanni Pawlu II qal, “Li tkun nisrani qatt ma hi faċli … li timxi wara Kristu titlob kuraġġ għall-għażliet radikali, li ħafna drabi tfisser li tmur kontra l-kurrent.”
San Mattew isemmi, kif Ġesù jikkumissjona tnax-il appostlu u jagħti isimhom, l-istess kif insibu fl-Evanġelji ta’ San Mark u San Luqa. Il-kelma ‘appostlu’ tfisser ‘mibgħut.’ Huma mibgħuta minn Ġesù biex ixandru s-Saltna tas-Sema permezz tal-kliem u tal-azzjonijiet. Kull wieħed u waħda minna, aħna appostli ta’ Ġesù. Aħna msejħa biex nagħtu xhieda ta’ mħabba lil uliedna. Aħseb dwar il-kwalitajiet sbieħ u talenti tal-membri tal-familja tiegħek u għinnhom biex jagħrfuhom lil xulxin. Kun ta’ eżempju tajjeb ta’ fidi, servizz, qalb tajba u sensittività, waqt li tagħraf li dawn it-talenti jgħinuna biex inwasslu l-Bxara t-Tajba tas-Saltna ta’ Alla lid-dinja.
Jalla d-djar u parroċċi tagħna jkunu xhiehda ta’ ferħ. Meta aħna ngħinu lill-oħrajn, inkunu qed nevanġelizzaw u nkomplu l-missjoni ta’ mħabba ta’ Kristu.
Dalwaqt