Fit-tieni Ħadd tar-Randan naqraw il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, fil-preżenza ta’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Dan nimmeditaw dwaru meta nitolbu l-misteri tad-dawl, fir-raba’ misteru li jiċċelebra r-rivelazzjoni tal-preżenza divina ta’ Alla.
Dan ir-rakkont tat-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù, insibuh ukoll f’San Mattew u San Mark, iżda mhux fl-Evanġelju skont San Ġwann. Din il-ġrajja sseħħ fuq muntanja, li tradizzjonalment imsejħa l-Muntanja Tabor u tiġri, wara li Pietru jistqarr li Ġesù hu l-Messija (vers 20) u t-tbassir ta’ Ġesù, dwar il-passjoni tiegħu (vers 22). Dan kollu jinkoraġġina biex inħarsu lejn it-trasfigurazzjoni fil-kuntest tal-Misteru Paskwali ta’ Ġesù (Kristu jeħlisna permezz tal-passjoni, mewt, qawmien u tlugħ tiegħu fis-sema).
Fuq il-muntanja, Ġesù jieħu miegħu tlieta mid-dixxipli, Pietru, Ġwanni u Ġakbu. Huma kważi tmur għajnejhom bihom, waqt li Ġesù jitlob u meta d-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.” Minkejja dan, jiġu f’tagħhom u jaraw lil Ġesù mibdul u miegħu ikun hemm Mosè u Elija. Dawn iż-żewġ personaġġi huma importanti fl-istorja ta’ Iżrael, u jirrappreżentaw il-kontinwità ta’ Ġesù mal-Liġi (Mosè) u l-Profeti (Elija). Meta jara dan kollu, Pietru joffri li jinbnew tliet tined għalihom, għax xtaq ħafna li dan il-mument ma jispiċċax. Lil Ġesù jindirizzah bħala “Mgħallem” meta ftit qabel kien għadu kif stqarr li kien il-Messija. Imbagħad, leħen mis-sema nstema’ jikkonferma li Ġesù huwa Bin Alla u jikkmanda lid-dixxipli biex jisimgħu lilu. Dan il-leħen, ifakkarna fil-magħmudija ta’ Ġesù (fl-Evanġelju ta’ San Luqa), meta dan il-leħen indirizza lil Ġesù, bħala Iben Alla.
It-Trasfigurazzjoni tantiċipa l-qawmien glorjuż ta’ Ġesù. Id-dixxipli ma jitkellmux dwar dak li raw u jifhmu dak li ġara fit-Trasfigurazzjoni, wara l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Din il-ġrajja nisimgħuha fil-bidu tar-Randan iżda fl-istess ħin, aħna nafu x’ser jiġri. Meta nisimgħuha, nantiċipaw il-qawmien ta’ Ġesù u wkoll nipppreparaw ruħna għall-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Il-leħen mis-sema, jindirizza lid-dixxipli u jgħidilhom, “lilu isimgħu.” Staqsi ftit lilek innifsek kif tista’ tisma’ lil Ġesù. Ir-Randan huwa żmien li “nisimgħu” lil Alla. Kemm hu importanti għalik, li jkollok ħinijiet fis-skiet għat-talb u kontemplazzjoni? Kemm hu importanti li ta’ kuljum tagħmel il-ħin u tgħaddih ma’ Alla? Biex tkun dixxiplu, trid tinbidel, forsi anke trasfigurat bl-għerf ta’ Alla, speċjalment waqt it-talb, qari tal-Iskrittura jew waqt li tirċievi r-rigal tal-Ewkaristija. Jista’ jkun li dan iseħħ meta taqdi lill-oħrajn, tgħin lill-fqar u lill-emarġinati. Għinni biex nagħraf li “Kbir Sidna l-Mulej” (salm 147, 5)