Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu parabbola ta’ sid tal-għelieqi tad-dwieli li joħroġ kemm-il darba fil-pjazza tar-raħal biex isib il-ħaddiema u wara ġurnata xogħol iħallashom kollha l-istess minkejja li n-numru ta’ sigħat li ħadmu kienu differenti ħafna. It-tagħlima ta’ dan l-Evanġelju mhijiex li kulħadd għandu jitħallas, anke għal xogħol li ma għamilx, jew ta’ xogħol li skarta! Il-qofol huwa, li Alla, bħal dan is-sid tal-għalqa, iħallas b’mod ġeneruż ħafna. Il-ħaddiema li bdew jaħdmu l-ewwel u għalhekk ħadmu l-aktar sigħat, stennew li jitħallsu aktar minn dawk li ħadmu l-anqas. Huma jgħiru għalihom, meta jaraw li dawn li ġew l-aħħar tħallsu l-istess, u stennew li bi dritt jitħallsu aktar minħabba l-ammont ta’ sigħat li ħadmu. Dan l-Evanġelju huwa ndirizzat primarjament lil-Lhud li kienu jqisu lilhom innfushom preferuti u magħżula minn Alla. Kienu jistennew li s-salvazzjoni tkun għalihom biss, ġa la darba kienu huma li dejjem obdew il-Kelma ta’ Alla. Madanakollu, Ġesù juri li s-salvazzjoni hija għal kulħadd. M’hemmx differenza bejn dawk li laqgħu il-Kelma ta’ Alla mill-bidu nett ta’ ħajjithom, u dawk li bdew il-mixja tagħhom wara Ġesù aktar tard. Il-ħlas ta’ kulħadd huwa l-istess, il-premju huwa l-istess għal kulħadd: il-Ġenna.
Xi drabi aħna wkoll naħsbu bħall-ħaddiema li bdew jaħdmu minn kmieni. Nippretendu li la mmorru l-quddies, nitolbu, u nġibu ruħna ta’ nsara, għandu jkollna preferenza minn Alla. Meta naraw li oħrajn li qed jgħixu b’mod li ma huwiex nisrani, u l-affarijiet dejjem iġibuhom żewġ, u aħna li nagħmlu sagrifiċċju biex ngħixu tajjeb, niffaċċjaw problemi u bsaten fir-roti, nirrabjaw għal Alla għax mhux jippremjana tal-isforz li qed nagħmlu. Meta naħsbu b’dan il-mod, inkunu qegħdin inwaqqfu l-grazzja ta’ Alla milli taħdem fina. Dan bħal meta nissuppervjaw bejnietna u ma nkunux lesti li nifhmu lil xulxin. Qisna intellgħu ħajt bejnietna, allura nkunu għomja għal dak li qed tagħmel il-parti l-oħra, anke jekk dak li qiegħed fuq in-naħa l-oħra qed jagħmel minn kollox biex jirrikonċilja, aħna ma nistgħux narawh! Meta nġibu ruħna b’dan il-mod ma’ Alla, inkunu qed nimblukkaw l-imħabba, l-għajnuna u l-ħniena tiegħu milli tasal għandna.
Ġieli nsibu ruħna niddettaw lil Alla kif għandu jġib ruħu?
Neħduha bi kbira li Alla lest li jaħfer lil kulħadd, għamel x’għamel?
Darba Ġesù ċanfar lin-nies li ma jarawx it-travu li għandhom f’għajnejhom u li jippruvaw ineħħu t-tibna minn għajnejn ħaddieħor. Aħna lkoll midinba. M’għandna l-ebda dritt għall-maħfra ta’ Alla, aktar milli għandu ħaddieħor. Alla jaħfrilna għax iħobbna mhux għax għandna xi dritt. Din il-parabbola tal-lum tgħallimna wkoll li lanqas m’għandna niġġudikaw. Il-ġudizzju huwa f’idejn Alla, li huwa kollu mħabba.
Bħala ġenituri, tistgħu tifhmu aktar dan l-atteġjament ta’ Alla. Kemm-il darba l-ġenituri jibqgħu lura huma jew jiċċaħdu minn xi ħaġa biex jagħtuha lit-tfal tagħhom? Jista’ jkun ħin jew xi ħaġa materjali. Għalkemm dan jidher li m’huwiex fair, minħabba li l-ġenituri jħobbu lil uliedhom, ikunu lesti li jagħmluha. Jekk ġenitur huwa membru fi club u kien jattendi regolari u issa minħabba li t-tfal għandhom bżonn aktar attenzjoni u għajnuna, m’għadx għandu ħin imur il-club, jista’ jkun hemm xi membri ta’ dan il-club li jirraġunaw li mhux fair li dan il-ġenitur qed ikollu jiċċaħħad minn dan il-passatemp tiegħu. Imma għall-ġenitur ma hemm xejn stamb, għax l-imħabba li għandu għal uliedu tgħinu jieħu deċiżjonijiet bħal dawn. Il-ġenituri ma jħobbux lil uliedhom għax jistħoqqilhom, jew minħabba l-mod kif iġibu ruħhom, iħobbu lil uliedhom għax huma uliedhom. Alla jħobb lil kull wieħed u waħda minna, mhux għax jistħoqqilna, iżda jħobbna, għax aħna lkoll uliedu.