Il-festa tal-lum tkompli tiżvolġi l-misteru tal-Milied, tenfasizza r-rivelazzjoni tal-imħabba salvifika ta’ Alla f’Ġesù. Fit-tliet qari tal-lum niffukaw fuq l-universalità tal-offerta tas-salvazzjoni ta’ Alla li hija miftuħa għal kulħadd. Aħna mistiedna niċċelebraw din il-festa mill-isbaħ li hija aktar minn sempliċi kommemorazzjoni taż-żjara storika tat-tliet Maġi lit-tarbija Kristu li għadu kif twieled.
Il-kelma ‘epifanija’ ġejja mill-kelma Griega epiphania, li tfisser ‘manifestazzjoni’ jew ‘turija.’ Fi żmien il-Milied huwa Ġesù, il-Kelma magħmul bniedem, li jidher bħala d-dawl lill-bnedmin kollha (Ġw 1,4). ). Storikament hemm mumenti oħra fil-ħajja u l-ministeru bikri ta’ Kristu li huma ċċelebrati bħala “epifanija” dawn huma l-magħmudija tiegħu, minn Ġwanni fix-xmara Ġordan u l-ewwel miraklu tiegħu f’Kana.
Fl-Evanġelju, il-Maġi li huma barranin (Ġentili) u mhux Lhud jinġibdu lejn is-Salvatur mid-dawl ta’ kewkba. Dawn l-irġiel huma pagani, ma jafux it-tagħlim tal-Iskrittura Lhudija u l-profeti imma xorta jsibu lil Kristu u jmilu u jadurawh.
Dwar il-Maġi ftit nafu. Ġejjin mill-Lvant u jivvjaġġaw lejn Betlehem, isegwu d-dawl tal-kewkba allura forsi kienu astrologi. Fl-Evanġelju ta’ Mattew, il-Maġi jirrappreżentaw it-tfittxija tal-Ġentili għal salvatur u peress li jirrappreżentaw id-dinja kollha, huma jirrappreżentawna wkoll. Il-Maġi kienu rġiel ta’ rieda tajba u jfittxu l-verità u kienu attirati mid-dawl ta’ Kristu. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex bħall-Maġi, u jekk aħniex nies li ninġibdu mid-dawl ta’ Kristu?
Ir-rigali li jġibu l-Maġi għandhom ukoll sinjifikat, huma prefigurazzjoni tar-rwol ta’ Ġesù fis-salvazzjoni. Id-deheb jiġi ppreżentat bħala sinjal tar-regalità ta’ Ġesù. L-inċens huwa simbolu tad-divinità tiegħu għax il-qassisin kienu jaħarquh fit-Tempju. Il-mirra hija reżina wżata bħala fwieħa/mediċina biex tipprepara lill-mejtin għad-difna. Huwa offrut b’antiċipazzjoni tal-mewt ta’ Ġesù.
Din iż-żjara tal-Maġi tikxef il-verità li Kristu ġie biex jifdi l-umanità kollha. Aħna nfusna bħall-Maġi fi vjaġġ pellegrin u neħtieġu stilla biex turina ‘l fejn għandna nimxu. Meta l-kewkba ġiet tistrieħ “fuq il-post fejn kien it-tifel,” intemm l-iskop tagħha li jiggwida lill-Maġi, iżda d-dawl spiritwali tagħha huwa dejjem preżenti għalina biex nimxu iggwidati mill-Kelma tal-Evanġelju li għadu kapaċi jiggwida lil kull persuna lejn Ġesù. Bħala membri tal-Knisja, aħna wkoll stilel li jdawlu l-ħajja ta’ dawk li għadhom qed ifittxu lil Kristu. Aħna msejħin bħala Nsara biex indawlu it-triq ta’ dawk li jfittxu lill-Mulej b’dak li ngħidu u dak li nagħmlu. Għandna dejjem nippruvaw insegwu b’mod attiv id-dawl tal-istilla, m’għandniex inkunu għażżenin jew indifferenti. Alla Missier, bil-grazzja tiegħek għinni nxredded d-dawl u l-ħajja ta’ Kristu. Bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek agħmilni xhud tal-imħabba, tal-verità u tal-grazzja.