Dan nafuh bħala l-Appostlu ta’ Ruma, il-Qaddis ċajtier. Hekk ħafna drabi kienu jirreferu għal San Filippu Neri!
Hu ma twelidx Ruma imma għadda ħafna minn ħajtu ġo Ruma. Twieled ġo Firenze fl-1515. Kiber ġo familja Kattolika, kellu edukazzjoni tajba u kien ġej minn familja tal-klassi tan-nofs. Bħala tifel kien ħelu u twajjeb imma xi kultant kien jidħol ġo xi bawxata wkoll.
Meta kellu 18-il sena missieru bagħtu għand zijuh ġo San Ġermano biex jgħin fil-business tal-familja bit-tama li jkun jista’ jieħu parti mill-ġid tal-familja. Imma kien hemm toroq oħra imħejjija għal Filippu. Dan wasal li jċedi għal kull xewqa ta’ ġid u propjetà biex ikompli bil-ħajja tiegħu li jservi lil Ġesu’ Kristu. Filippu mar Ruma fejn għal sentejn kien jgħallem it-tfal subien ta’ familja Florentina. Beda jistudja għall-qassis imma wara 3 snin waqaf. F’dak iż-żmien in-nies ta’ Ruma ma kienux baqgħu jgħixu bħala nsara. Filippu beda jaħdem biex iressaq lin-nies lejn Alla, għaldaqstant beda jissejjaħ bħala “l-Appostlu ta’ Ruma”. Beda jfittex il-foqra ta’ Ruma ġos-sqaqien, u lill-morda fl-isptarijiet u jġibilhom ikel u ħwejjeġ. Hu ressaqhom lejn il-Fidi b’mod singulari.
Dejjem kien jiċċajta u dejjem ferħan u bid-daħk tiegħu kien jgħollilhom il-moral. Iż-żgħażagħ kienu jmorru warajh miġbudin mill-ħlewwa tiegħu, u bl-imħabba tiegħu lejn Alla. Kien jibda b’diskussjonijiet ħelwin, li jogħġbuhom, ċajt, mużika u kanzunetti u jressaqhom lejn it-talb u lejn Kristu. Malajr sar personalità popolari għax baqa’ jevanġelizza kull fejn jinġabru n-nies, u l-qdusija tiegħu kienet tiddi mill-attitudnijiet ferriħija tiegħu. Meta kien ikun bogħod min-nies kien jgħaddi ljieli fit-talb u jiekol kemm kemm. Eventwalment Filippu kompla bil-missjoni tiegħu speċjalment mill-konfessjunarju.
Jgħidu li darba, bil-lejl waqt meditazzjoni profonda kellu esperjenza mistika, li affettwatlu lil qalbu fiżikament tant li “qalbu kienet fjammata bl-imħabba t’Alla”. Bidla fiżika ta’ qalbu u tal-kustilji instabet mit-tobba meta eżaminawh wara mewtu.
San Filippu Neri waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Oratorju, grupp ta’ qassisin u lajċi, għalkemm mhux marbutin bil-voti, li kienu jgħixu ġo komunità li kellha sinjal żgħir li Filippu kien waħħal: “Id-Dar tal-Ferħ Kristjan”.