San Ġorġ Preca l-ewwel qaddis Malti, għadu magħruf bl-imħabba kollha mill-Maltin bħala “Dun Ġorġ”. Twieled fit-12 ta’ Frar 1880 u miet fl-20 ta’ Lulju 1962, allura ħafna Maltin għadhom jiftakru lilu u l-priedki tiegħu.
Hu twieled il-Belt, imma l-memorja tiegħu hija marbuta mal-Ħamrun fejn huma ġew joqogħdu meta Ġorġ kellu seba’ snin. Il-familja tiegħu kienet middle-class, missieru kien spettur tas-saħħa u ommu kienet għalliema. Ġorġ kien is-seba’ wieħed minn familja ta’ disgħa. Hu kien jattendi l-iskola tal-Istat bħal kull tifel ieħor u kellu tfulija normali imżewqa b’xi brikkunati wkoll!
L-edukazzjoni tiegħu tkompliet fis-Seminarju, fejn beda l-kors biex isir saċerdot. Meta d-data tal-ordinazzjoni bdiet riesqa, hu marad serjament bit-tuberkolożi tal-pulmun u kien kważi se jmut. Imma hu rkupra u kien ordnat saċerdot, u baqa’ jgħix b’pulmun wieħed.
Dun Ġorġ jibqa’ għal dejjem imfakkar għat-twaqqif tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Is-sejħa tiegħu kienet dik tal-evanġelizazzjoni, bil-kitba, bil-predikazzjoni u l-katekeżi b’mod sempliċi, ħalli kulħadd ikun jista’ jifhem il-Prinċipji tal-Fidi Kattolika.
F’dak iż-żmien il-biċċa ‘l kbira tan-nies kienu illitterati u ma kienux mgħallmin fil-fidi. Li wieħed ikollu Bibbja kien ristrett mill-Knisja nfisha filwaqt li t-tagħlim tar-Reliġjon kien irriservat għall-qassisin.
Dun Ġorġ mexa aktar ‘il quddiem minn żmienu! Hu sar ħabib ma’ grupp ta’ żgħażagħ u kien jgħaddi xi żmien magħhom, jgħallimhom. Kellu ispirazzjoni li jgħallem il-katekiżmu lil dawn iż-żgħażagħ biex imbagħad dawn ikunu jistgħu jgħallmu lil ħaddieħor, inklużi t-tfal. In-numru ta dawn iż-żgħażagħ beda jikber u dan il-fatt ikkontribwixxa għat-twaqqif tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija magħrufa mill-Maltin bħala ‘Mużew’, isem li kien ivvintat minn wieħed mill-membri tal-bidu. Hija l-kelma Maltija għal ‘MUSEUM’ għaliex bħalma ż-żagħżugħ qal, il-post fejn kienu jiltaqgħu l-membri tal-bidu kien ‘store’ prezzjuż tal-Prinċipji tal-Fidi. Aktar tard Dun Ġorġ speċifika l-isem għal M.U.S.E.U.M, il-bidu tal-kliem ta’ sentenza bil-Latin li tfisser: “Mhux li kien li l-Vanġelju jiġi magħruf mad-dinja kollha”.
Għall-bidu Dun Ġorġ kien ikkritikat, kien ukoll imwaqqaf milli jkompli din l-attività. Hu obda u mill-ewwel waqqaf il-missjoni tiegħu. Imma ftit xhur wara ngħata l-permess biex ikompli.
Ftit wara nfetħet ukoll sezzjoni għan-nisa. Illum is-Soċjetà infirxet ukoll fl-Awstralja, fil-Peru, fis-Sudan, fl-Ingilterra, fil-Kenja u fl-Albanija. Sa llum, eluf ta’ tfal subien u bniet għadhom jirċievu t-tagħlim tal-Katekiżmu bi preparazzjoni għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma waqt li żgħażagħ irġiel u nisa għadhom jingħaqdu mas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. J’alla aħna bħala ġenituri qatt ma nintelqu u nħallu t-tagħlim tar-Reliġjon f’idejn il-katekisti u l-għalliema biss, imma nkunu aħna l-ewwel katekisti. Ta min jakkwista Bibbja tat-Tfal u naqrawlhom minnu b’gost speċjali. Tajjeb li nkunu nafu x’inhuma jitgħallmu fil-lezzjonijiet tar-reliġjon u tal-katekiżmu. Ismagħhom meta jirrakkuntaw x’tgħallmu waqt dawn il-lezzjinijiet. Staqsi x’kien il-Vanġelu tal-quddiesa tal-Ħadd anke meta jisimgħu din fuq ix-xandir. Dun Ġorġ kellu devozzjoni kbira lejn il-Misteru tal-Inkarnazzjoni. Dan wassal għal ħolqien ta’ Badge b’dan il-kliem fuqha biex jilbsuha il-membri tal-Għaqda: Verbum Dei Caro Factum Est. L-Iben t’Alla Sar Bniedem. Hu beda t-tradizzjoni tal-purċissjoni bil-Bambin lejliet il-Milied u wkoll tal-presepju li t-tfal jieħdu d-dar bħala rigal mill-MUSEUM fi żmien il-milied.