San Ġużepp ta’ Copertino

18 ta’ Settembru

Jidher li l-ħajja ta’ San Ġużepp ta’ Copertino għandha messaġġ għall-ġenituri, in-nanniet u l-kustodji, li għandhom l-aħjar interess tat-tfal fil-kura tagħhom.

Fl-entużjażmu tagħna li jkollna l-aħjar għal uliedna, nistgħu ninqabdu nħeġġuhom lejn karrieri li, fl-opinjoni tagħna, se jtejbu l-istatus tagħhom fil-ħajja.

Filwaqt li huwa importanti li ninkoraġġixxu lil uliedna biex jimmiraw ‘il fuq, huwa daqstant ieħor importanti li nidentifikaw karatteristiċi pożittivi f’uliedna u nibnu fuqhom, mingħajr ma nqabbluhom mal-kisbiet ta’ ħaddieħor, sabiex jiżviluppaw l-istima tagħhom infushom.

Kull tifel u tifla, meta jikbru u jsiru adulti, se jkollhom rwol uniku biex iwettqu l-pjan ta’ Alla. Mhuwiex importanti liema rwol ikollu wieħed fil-ħajja, iżda kif iwettqu dak ir-rwol.

Mill-perspettiva umana, San Ġużepp ta’ Copertino kien meqjus bħala falliment, bħala bniedem sempliċi, u saħansitra bħala persuna b’diżabilità mentali. Madankollu, huwa ntgħażel biex ikun strument li juri l-kobor ta’ Alla. Ma ninsewx il-frażi “Alla jgħolli liċ-ċkejknin!”

Il-ħajja ta’ San Ġużepp ta’ Copertino tispikka għax kien bniedem umli, ubbidjenti u sod, filwaqt li kien mimli b’sens ta’ ferħ ġenwin. Dawn il-kwalitajiet diffiċli biex jinftiehmu, sew mill-kbar u ferm aktar miċ-ċkejknin. Mhumiex valuri li tista’ tgħaddihom ta’ malajr waqt xi diskursata jew xi lezzjoni tal-katekiżmu. Huma valuri li nistgħu ngħaddulhom matul it-tfulija u ż-żgħożija, aħna u ngħinuhom jimmaturaw u permezz tal-eżempji tagħna.X’inhi l-umiltà u kif jista’ wieħed ikun umli?

Li tkun umli ma jfissirx li ma tkunx assertiv, jew li tissottometti ruħek bi ħsara għad-drittijiet umani tiegħek. Tfisser iżda li tifhem il-kwalitajiet li Alla jagħtina biex bihom twettaq il-pjan tiegħu. Dan tagħmlu billi ma tqabbilx lilek innifsek ma’ ħaddieħor, li taqbeż lil ħaddieħor biex tikseb għana, poter, status jew fama.  Għalhekk għandna ngħinu lil uliedna jiżviluppaw l-istima fihom infushom u nfaħħruhom kull meta jagħmlu xi ħaġa tajba.

Għandna ngħinuhom ikunu ubbidjenti, mingħajr il-ħtieġa tal-kastigi.  Niddiskutu magħhom dwar kif jistgħu jkunu responsabbli. It-tfal jeħtieġ li jifhmu li minbarra d-drittijiet hemm ukoll id-dmirijiet. Inħeġġuhom jagħrfu dawn id-dmirijiet. Infaħħruhom u ninkuraġġuhom kemm nistgħu. Nippruvaw nikkritikawhom mill-inqas u napprezzaw kull sforz li jagħmlu.

Fil-ħajja mgħaġġla tagħna, qed issir dejjem aktar remota l-possibbiltà li noħolqu “postijiet” kwieti.  Fittex mumenti speċjali meta l-familja tista’ toqgħod fis-skiet u tammira:   it-tlugħ jew inżul ix-xemx, pajsaġġ sabiħ, fuq xi bajja filgħaxija jew saħansitra fil-bitħa jew f’ġnien viċin tiegħek!

Ħin tat-talb mal-familja

Heġġeġ lit-tfal biex jitkellmu fuq affarijiet pożittivi li jkunu għaddew minnhom dakinhar.

  • Nfaħħru ’l Alla għall-Ħolqien Tiegħu
  • Kantaw Innu ta’ Tifħir (per eżempju:  Kemm Inti Kbir!
  • Waqt li nżommu idejn xulxin nitolbu t-Talba tal-Missierna.

San Ġużepp ta’ Copertino ġie minn familja fqira, u ma tantx kien intelliġenti. Għalkemm dejjem għamel l-almu tiegħu, ma rnexxilux jgħaddi mill-eżamijiet tiegħu u dan għamilha ferm diffiċli għalih biex isir saċerdot. Madankollu, talab ħafna u b’xi mod, ix-xewqa tiegħu saret realtà, hekk kif ġie aċċettat biex jidħol bħala patri u aktar tard sar saċerdot. Hu kien iħeġġeġ lin-nies biex jitolbu ħafna, kif kien għamel hu.

San Ġużepp ta’ Copertino kien qaddis Franġiskan magħruf bħala l-Patrun tal-istudenti u ta’ dawk li jagħmlu l-eżamijiet.

Inħejju għall-iskola!

Jista’ jkun li nibżgħu jew naħsbu li m’aħniex tajbin biżżejjed. Ejjew nagħmlu l-qalb, u bħal San Ġużepp ta’ Copertino nitolbu lill-Ispirtu s-Santu, sabiex ikun magħna u jiggwidana matul din is-sena skolastika. Madankollu, jeħtieġ li nxammru l-kmiem. Ejjew nagħmlu lista ta’ għanijiet li nixtiequ nilħqu matul din is-sena, u nfittxu xi frażijiet li jagħmlulna kuraġġ. Ejjew niktbu dawn fuq bċejjeċ tal-karti u npoġġuhom ġo vażett. Kull meta nħossuna se naqtgħu qalbna, ejjew niftħu l-vażett, niġbru uħud minn dawn il-karti, naqraw il-messaġġi tagħhom u ngħidu talba żgħira.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.