
Żgur li San Ġużepp m’għandux bżonn ta’ introduzzjoni.
F’din il-festa ta’ San Ġużepp, ejjew nieħdu l-okkażjoni biex nuru lit-tfal tagħna r-realtà tal-personalità ta’ dan il-Qaddis u r-rwol kruċjali tiegħu fil-Pjan tas-Salvazzjoni
Fl-Erba’ Evangelji ma nsibu l-ebda kelma li qal Ġużeppi. Jirreferu għalih bħala “bniedem tajjeb, bniedem li dejjem obda r-rieda ta’ Alla.” Hu kien mastrudaxxa u jaħsbu li kien aktar minn hekk. Kien bniedem tas-sengħa li kien kapaċi jaħdem fil-ġebla wkoll. Kien magħżul biex ikun il-missier li ħa ħsieb Ġesù. Anġlu deherlu f’ħolma u qallu li l-Iben li kellha Marija f’ġufha kien bl-opra tal-Ispirtu s-Santu u li Hu kellu “jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”.
Hu jibqa’ mnaqqax f’moħħhom bħala l-karattru sieket fl-istorja tat-Twelid ta’ Ġesù; kważi kważi jidher qisu karattru fittizju minn xi storja għat-tfal.
Ġużeppi kien ma’ Marija: meta marru Betlem, meta twieled Ġesù, meta r-rgħajja u aktar tard it-tlett Slaten Maġi ġew biex jaduraw Ġesù tarbija.
Bħala l-kap tal-familja, hu ta l-isem lil Ġesù waqt iċ-ċirkonċiżjoni tiegħu skont il-Liġi Lhudija. Flimkien mal-Madonna, hu mar fit-tempju biex jippreżenta lil Ġesù wara 40 jum mit-twelid tiegħu.
San Ġużepp kien li pproteġa lill-Madonna u Ġesù tarbija minn Erodi meta ħarbu lejn l-Eġittu wara li l-anġlu tah messaġġ f’ħolma. Hu ħa lill-familja tiegħu lura lejn Nażaret meta l-anglu qallu li Erodi kien miet u li seta’ jerġa’ lura d-dar.
Flimkien ma’ Marija, hu kien inkwetat meta Ġesù, ta’ tnax il-sena, intilef waqt il-pelligrinaġġ tagħhom lejn Ġerusalemm, u nstab fit-Tempju wara 3 ijiem ifittxuh. Huma sabuh bilqiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.
(L-Evanġelji ta’ Mattew Kapitlu 1 u ta’ Luqa Kapitli 1 u 2 jagħtuna r-rakkont ta’ din il-ġrajja).
