San Ġwann Appostlu

27 ta' Diċembru

Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġwanni 3:16).

Dan hu dak li verament niċċelebraw fil-Milied!

U dan il-kliem nisimgħuh fir-Raba’ Evanġelju skont San Ġwann l-Appostlu u l-Evanġelista, li skont it-tradizzjoni tal-Knisja spiss jissejjaħ “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù”.

Għalhekk, huwa tassew sinifikanti li l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann jumejn biss wara l-Milied!

Ġwanni kien bin Salome u Żebedew, u s-sengħa tiegħu kienet dik ta’ sajjied. Ġwanni flimkien ma ħuh Ġakbu kienu dixxipli ta’ San Ġwann il-Battista meta Ġesù sejħilhom. Dawn iż-żewġ t’aħwa telqu kollox u marru wara Ġesù.

Flimkien ma’ Pietru u Ġakbu, Ġwanni kien xhud tal-qawmien ta’ bint Ġajru u kien preżenti wkoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ ta’ Ġesù fuq it-Tabor. Flimkien ma’ Pietru jippreparaw l-ikla tal-Aħħar Ċena u aktar tard akkumpanja lil Ġesù waqt l-agunija fil-Ġnien tal-Ġetsemani.Hu kien l-uniku appostlu preżenti ħdejn is-Salib, fejn ħa r-responsabbiltà li jieħu ħsieb lill-Madonna. Flimkien ma’ Pietru mar jiġri lejn il-qabar vojt u ra l-ewwel sinjali tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet.

Ġwanni u Ġakbu kienu persuni kalmi u ġentili, imma kellhom it-tendenza li jirrabjaw u jitilfu l-paċenzja!  Ġesù kien irrefera għalihom bħala ‘Ulied ir-Ragħad’; fil-fatt darba Ġesù kien widdeb lil Ġwanni u lil Ġakbu meta riedu li jinżel in-nar mis-sema fuq is-Samaritani.

Wara li l-Madonna ttieħdet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, Ġwanni vvjaġġa lejn l-Asja Minuri, biex ixandar l-Aħbar it-Tajba u għex l-aktar f’Efesu. Hemmhekk gie arrestat u meħud Ruma, fi żmien meta l-insara kienu qed jiġu ppersegwitati wara d-digriet tal-Imperatur Domizjanu.

Ġwanni kien ikkundannat għall-mewt:  il-kundanna kienet li jintefa’ f’żejt jagħli. B’mod merakuluż ħareġ miż-żejt mingħajr ma ġralu ebda ħsara. Wara dan, ġie eżiljat lejn Patmos, gżira Griega.

Malli miet Domizjanu, huwa rritorna Efesu, fejn flimkien ma’ seba’ isqfijiet ħa f’idejh il-ħidma kontinwa ta’ evanġelizzazzjoni fl-Asja Minuri. Huwa maħsub li miet hemmhekk meta kellu ferm aktar minn disgħin sena.

Fl-arti, San Ġwann huwa rrapreżentat flimkien ma’ ajkla, għasfur li jtir fil-għoli ħafna, li jissimbolizza ‘l-għoli li laħaq fl-Evanġelju tiegħu.’

Għin lit-tfal biex fil-Bibbja jsibu l-Evanġelju ta’ San Ġwann, l-ittri li kiteb u l-Ktieb tal-Apokalissi.  Spjegalhom li bosta drabi dawn il-kitbiet jinqraw waqt il-Quddiesa.

  • Sibu stejjer fil-Bibbja fejn San Ġwann kien preżenti fil-Ministeru ta’ Ġesù.
  • Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann insibu seba’ mirakli ta’ Ġesù.  Il-miraklu tat-Tieġ ta’ Kana huwa wieħed li t-tfal jistgħu jifhmuh u jirrelataw miegħu faċilment.  Iddiskutu x’tgħidilna din l-istorja dwar Ġesù?  X’kienu jħossu jew x’kienu jagħmlu kieku kienu preżenti fit-Tieġ ta’ Kana?

Tistgħu taraw dan il-filmat dwar it-Tieġ ta’ Kana.

L-Imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu hija messaġġ qawwi fil-kitbiet ta’ San Ġwann, b’mod speċjali fl-ittri tiegħu.

  • Ikkunsidra li tibda diskussjoni dwar il-lealtà ta’ Ġwanni u kif huwa kien ħabib veru ta’ Ġesù.
  • Isma’ l-opinjonijiet tat-tfal dwar x’jagħmel ħabib veru; li tqatta’ l-ħin flimkien miegħu, li tieħu pjaċir u li toffri appoġġ meta dan il-ħabib ikollu xi problema jew iħossu mdejjaq.

Ħin tat-Talb mal-Familja:  Għin lit-tfal biex jesprimu ħsibijiethom jew jitolbu fis-skiet, billi jibdew bi: “Ġesù, irrid inkun ħabib tiegħek… Grazzi talli inti dejjem ħabib tiegħi”.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.