San Ġwann Battista de La Salle

7 ta' April

San Ġwann Battista De La Salle għex f’dinja differenti totalment minn dik li ngħixu fiha illum.  Il-parti l-kbira tal-poplu kien fqir; bdiewa li jgħixu fil-kampanja jew kienu jgħixu ġo ambjenti residenzjali mitluqa.  

Il-familji fqar ma kienux jibgħatu t-tfal l-iskola, filwaqt li t-tfal tas-sinjuri kienu jiġu edukati id-dar minn għalliema impjegati mill-ġenituri tagħhom.

San Ġwann Battista de La Salle twieled fis-sena 1651 ġo familja sinjura u ingħata edukazzjoni sekulari u reliġjuża tajba.  Meta kien ta eta żgħira, inħatar Kanonku tal-Kattidral ta’ Reims, permezz ta’ din il-ħatra sar uffiċjal tal-Knisja u kien jagħti s-servizz tiegħu fil-Katedral.  Meta kellu 21 sena, il-ġenituri tiegħu mietu, minħabba f’hekk kellu jieħu f’idejh ir-responsabilita biex jamministra il-propjeta tal-familja u f’l-istess ħin jieħu ħsieb lil ħutu. 

Din ir-responsabilita ġdida, ma waqfitux minn li jkompli l-istudji tiegħu għas-Saċerdozju.  Huwa ġie ordnat Saċerdot f’April ta’ l-1678 u sentejn wara irċieva dottorat fit-Teoloġija.

Fix-xogħol pastorali tiegħu ħa sehem fit-twaqqif ta’ skola b’xejn tas-subien li kienu f’riskju li jispiċċaw fit-triq il-ħażina. Eventwalment, telaq id-dar u l-ġid tal-familja tiegħu u mar jgħix mal-għalliema, li wara saret kommunita iddedikata għat-tibdil totali ta’ kif jingħata it-tagħlim.  Dawn saru magħrufa bħala ‘The Brothers of Christian Schools’, Kongregazzjoni ġdida iddedikata għat-tagħlim u twaqqif ta’ skejjel ta’ kwalita.  Sabiex it-tagħlim ikun aktar aċċessibli, kien jintuża id-dialett lokali, it-tagħlim tar-Reliġjon sar parti mill- Kurrikulu u beda jsir sforz biex il-ġenituri ikunu involuti fit-tagħlim ta’ uliedhom.  Bdew jiġi organizzat taħriġ għal-għalliema, żagħżagħ ġew offruti l-opportunita li jitgħallmu xi snajja u twaqqfu ukoll istituzzjonijiet biex joffru għajnuna lil żgħażagħ bi problemi soċjali.

San Ġwann Battista De La Salle sar mudell għal-għalliema oħra, tant hu hekk li bdew jimxu fuq l-eżempji u l-valuri tiegħu, mhux biss fuq il-metodi tat-tagħlim imma anki bdew juru kompassjoni u sapport għat-tfal taħt il-kura tagħhom.  San Ġwann Battista De La Sale miet fl-eta ta’ 67 sena, mifni bl-artrite u l-ażżma.  Il-metodi tat-tagħlim tiegħu infirex mhux biss ġewwa Franza imma, fl-Ewropa u f’pajjiżi aktar imbiegħda.  Illum, il-Lassaljani jinsabu fi 80 pajjiz differenti, anki f’Malta fejn huma magħrufa bħala l-Freres.

Il-Missjoni ta’ San Ġwann Battista De La Salle kienet kollha dwar l-edukazzjoni, skejjel u tagħlim. Ġie maħtur mill-Knisja bħala l-patrun tal-għalliema.  

  • It-tfal tagħna iqattgħu il-parti l-kbira tal-ġurnata tagħhom mal-għalliema.  Fittex l-opportunita biex tiddiskuti mat-tfal kif jaraw ir-rwol tal-għalliema:  jekk jaħsbux li hu xogħol faċli jew iebes, jekk jixtiequx issiru għalliema u għalfejn, x’jammiraw fl-għalliema, jew xi jdejjaqhom fl-għalliema tagħhom.
  • Ħeġġeġ t-tfal biex joħolqu kartolina għal-għalliema jew katekista tagħhom, għal xi okkazzjoni speċjali u fl-istess ħin turihom apprezzament.
  • Għin it-tfal issiru konxji u li japprezzaw it-tagħmir edukattiv fl-iskola tagħhom.  Ninsew xi kultant li ħafna tfal fid-dinja huma mċaħħda minn ħafna affarijiet li aħna ma napprezzawx.

Ħin tat-Talb għall-Familja

Oħolqu esperjenza ta’ talb billi issegwu ‘Jesus the Great Teacher (Bible for Children)

Għażel siltiet minn din il-preżentazzjoni u tkellem mat-tfal dwarhom.  Iddiskutu dwar x’inhu jagħlimna Ġesu’.  Itolbu biex dak li għallimna biex inwettqu, nagħmluh fil-ħajja tagħna.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.