
Carlo Gaetano Calosinto, li l-quddiem sar magħruf bħala San Ġwann Ġużepp tas-Salib, twieled fl-1654, f’Ischia, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet nobbli u minn età żgħira kien dejjem jipprova jgħix ħajja tajba. L-aktar importanti għalih kien li jgħix il-virtù tal-umiltà; kien jinsisti li jilbes ilbies komuni u mhux ħwejjeġ lussużi.
Meta kellu 16-il sena, daħal fl-Ordni Franġiskan Osservanti u ħa l-isem ta’ Ġwann Ġużepp tas-Salib. Beda jgħix ħajja ta’ talb, penitenza, isum ta’ spiss, qatt ma kien jixrob inbid u kien jorqod tlett siegħat biss.
Erba’ snin wara, intbagħat Piemonte, reġjun in-naħa ta’ fuq fl-Italja biex iwaqqaf kunvent ġdid. San Ġwann Ġużepp tas-Salib għen fil-bini ta’ dan il-kunvent billi hu stess ingħaqad mal-ħaddiema fix-xogħol tagħhom ta’ kostruzzjoni.
Is-superjuri tiegħu raw il-kwalitajiet spiritwali profondi ta’ Ġwann Ġużepp u nsistew miegħu biex jaċċetta li jiġi ordnat saċerdot, għalkemm hu kien jippreferi jibqa’ patri. Meta ġie ordnat saċerdot, sar il-kap tan-Novizzi (dak li jgħallem u jiggwida membri ġodda f’ordni reliġjuż). Ftit taż-żmien wara, sar is-Superjur tal-komunità tal-kunvent. Avolja kien jokkupa din il-kariga, hu baqa’ umli, kompla jgħin fix-xogħol tal-kċina kif ukoll iġorr l-ilma u l-injam biex jgħin lill-patrijiet l-oħra.
Fl-età ta’ 48 sena, laħaq Provinċjal tal-Ordni fl-Italja. Hu baqa’ umli tant li meta kien jieqaf f’xi lukandi waqt il-vjaġġi tiegħu biex iżur il-kunventi li kienu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lanqas biss kien jixtieq li jitqies bħala xi ħadd aktar speċjali minn patri sempliċi. Kien ħareġ ordni li l-ebda tallab li jiġi l-kunvent m’għandu jintbagħat lura bla ma jingħata x’jiekol jew jiġi megħjun fil-bżonnijiet tiegħu. Spiss kien jagħti saħansitra l-porzjon tal-ikel tiegħu stess lil ħaddieħor.
Alla tah id-don li jista’ jfejjaq lin-nies u kienu jġibulu ħafna morda biex ifejjaqhom. Lejn l-aħħar ta’ ħajtu, sofra minn puplesija li kienet il-kawża li beda jbati biex jimxi. San Ġwann Ġużepp iddedika l-kumplament ta’ ħajtu joffri pariri spiritwali permezz tas-Sagrament tal-Qrar. Huwa miet fl-età ta’ 85 sena.
San Ġwann Ġużepp tas-Salib hu l-Qaddis Patrun ta’ Ischia.
