San Bartilmew

24 ta' Awwissu

Bartilmew jew Natanjel?

Ismu oriġinarjament kien Natanjel bar Tolmai (bin Tolmai), għalhekk ismu kien Natanjel (l-isem tieghu propja) u Bartilmew (l-isem li jiddikjara minn hu missieru – Bar li tfisser iben u tilmew li kien isem missieru). 

Fi Testiment il-Ġdid huwa imniżżel bħala wieħed mit-Tnax -il Appostli, ħabib ta’ l-Appostlu Filippu.  Fil-Vanġelji skont San Mattew, San Mark u San Luqa huwa imsejjaħ bħala Bartilmew, filwaqt fil-Vanġelu Skont San Ġwann huwa imsejjaħ Natanjel minn Kana. 

Il-Vanġelju skont San Ġwann jgħatti deskrizzjoni qawwija dwar is-sejħa ta’ Natanjel biex ikun wieħed mit-Tnax.  Filippu, ħabib tal-qalb, kien diġa aċċetta s-sejħa biex jimxi wara Ġesu’.  Filippu sab lil Natanjel u b’ħeġġa kbira qallu “Sibna lil dak li fuqu kitbu Mosè fil-Liġi, u l-profeti fil-kotba tagħhom: Ġesù minn Nazaret, bin Ġużeppi.”  Stqarrija li tista turi li Filippu u Natanjel it-tnejn kienu student tal-Liġi u l-Profeti.  Mill-Istudji tagħhom Filippu għaraf lil Ġesu’ bħala l-Messija, dak li kienu qegħdin jistennew.  Ir-reazzjoni ta’ Natanjel kienet waħda ta’ dubju, it-tweġiba tiegħu kienet “Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nazaret?”  Ir-reazzjoni tiegħu kienet ibbażata fuq preġudizzju li kellhom dwar Nazaret, li kien raħal ċkejken fejn kienu jgħixu numru żgħir ta’ familji.  Barra minn hekk, ir-raħal ta’ Nazaret ma tantx kien stmat mil-Lhud ta’ dak iż-żmien.  Natanjel irraġuna li il-Messija ta’ Alla ma setax jiġi minn post daqshekk irrelevanti.  Filippu insista, ‘Ejja u ara.’  Natanjel Mar, u ħajtu inbidlet meta iltaqgħa ma’ Ġesu’ li ra fih qalb u karratru sinċier, filwaqt li iddikjarah bħala Iżraeljan onest.  Natanjel semgħu lil Ġesu’ u qallu “Kif sirt tafni?”  Ir-risposta ta’ Ġesu’ kienet, “Rajtek taħt is-siġra tat-tin qabel ma sejjaħlek Filippu” halliet lil Natanjel bla kliem.  Natanjel irrealizza li Ġesu’ kien dak li ħabbru l-Profeti.  Natanjel kien l-ewwel dixxiplu li stqarr “Rabbi, int l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael! (Ġw 1:45-51).  

Natanjel mexa wara Ġesu’ u kien xiehda tat-tagħlim u l-mirakli tiegħu, tal-Qawmien ta’ Ġesu’ u ta’ tlugħ tiegħu fis-Sema.

Meta l-Appostli xterrdu mad-dinja biex ixandru il-bxara t-tajba, Natanjel probabilment ma Filippu, marru jevangelizaw fl-Indja, fl-Armenja, fil-Persja u fl-Eġittu.  Huwa mifhum li Natanjel sofra l-martirju f’Abanopolis taħt ir-Re Astyages.  Hemm diversi tradizzjonijiet marbutin mal-martirju tiegħu, l-iktar popolari hi li Natanjel kien imqaxxar haj.

Natanjel huwa imniżżel bħala San Bartilmew fil-Martyrologium Romanum, dokument storiku li għandu imniżżel fih il-ħajjiet u l-mirakli tal-qaddisin u martri Insara, mill-bidu nett tal-Knisja.

Bartilmew/Natanjel kellu predispożizzjoni kontra li jkun hemm xi ħadd notevoli li joħroġ mir-raħal ta’ Nazaret, aħseb u ara il-Messija!

Id-dinja tagħna saret raħal globali, saret faċli ħafna li wieħed jemmigra minn pajjiż għal ieħor u għalhekk naqsu il-fruntieri li kienu jisseparaw razzez u kulturi.  Iżda, xorta waħda il-preġudizzju għada tifforma parti mil-attitudnijiet tagħna bla ma nkunu nafu u din turi lilha nnfisha fl-imġieba tagħna anki meta ma nitkellmux.

Bla ma nafu, uliedna jadottaw dawn il-preġudizzji li jiżviluppaw fil-karratru tagħhom meta jikbru u jiżvolġu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  Attitudnijiet bħal dawn huma diffiċli ħafna biex tibdilhom.  

Ejjew inrawmu f’uliedna l-abilita li jiċċelebraw id-diversita’ u jgħożżu l-inklussivita’.  Ħeġġighom biex jitkellmu dwar esperjenzi fil-ħajja tagħhom, fl-iskola u f’attivitajiet oħra:  Minn qiegħed jitħalla barra?  Minn qiegħed juri imġieba mhux xierqa?  Minn qiegħed jiġi ittrattat ħażin ~ minħabba id-dehra tagħhom, il-kulur tal-ġilda tagħhom jew għax jidhru differenti b’ xi mod jew ieħor.  

Skopri mat-tfal diversi modi kif jistgħu jinkludhom, għax meta issir tafhom aħjar isir tibdil fil-mod kif jaħsbu jew iħossuhom dwar min hu differenti.

Tkellem mat-tfal dwar kif iħossuhom. Jekk iħossuhom li qed ikun hemm xi preġudizzju kontrihom.  Iddiskuti magħhom modi pożitivi kif dawn jistgħu jiġu indirizzati bl-għajnuna ta’ xi adult jew weħedhom.  

Għamlu dan l-esperiment:  Agħtu lit-tfal 2 bajdiet iebsin, waħda bil-qoxra kanella u l-oħra bajda.  Jidrhu differenti…ħallihom iqaxxru l-bajda biex jaraw li minn ġewwa it-tnejn jidhru l-istess!  Aqsam iż-żewġ bajdiet fit-tnejn u lanqas tkun taf x’qoxra kellhom dawn il-bajdiet!  Għin lit-tfal jgħarfu li minn ġewwa kull persuna hija l-istess.  Alla hekk jarana!

Ħin tat-Talb mal-Familja

Irringrazzjaw lil Alla għas-sbuhija tad-diversita’!

Kantaw: We’re all amazing!

Ejjew nirringrazzjaw lil Alla għal persuni li laqqawna ma Ġesu’ bħal ma Filippu ġab lil Natanjel u introduċih ma’ Ġesu’.  Ħeġġeġ lit-tfal issemmu persuni…jistgħu jibdew mill- ġenituri li kienu l-ewwel persuni li laqqawhom ma’ Ġesu’ permezz tal-Magħmudija.  Ħeġġeġ lit-tfal biex jaħsbu f’ħabib jew ħabiba li jistgħu jistiednuhom biex imorru l-Quddies magħhom jew f’ xi attivita oħra li tressaqna lejn Ġesu’.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.