San Ġwann Marija Vianney

4 t’Awwissu

San Ġwann Marija Vianney huwa aktar magħruf magħna bħala l-Kurat t’Ars (Kurat hija kelma oħra minflok Kappillan).

Vianney għex fi Franza fi żmien imqalleb ħafna, speċjalment fi żmien it-tfulija tiegħu. Kien iż-żmien tar-Rivoluzzjoni Franċiża meta n-nies ma setgħux jipprattikaw ir-Reliġjon.

Meta kien għadu tifel, il-quddies u t-tqarbin kien isir bil-moħbi ġod-djar. Vianney żamm sod fit-twemmin tiegħu u għalkemm ma kienx xi bniedem t’intelliġenza kbira, il-Mulej għazlu biex isir saċerdot magħruf għall-kelma ħelwa u konvinċenti tiegħu, li wasslet lil ħafna nies lura lejn il-Mulej. Dan seħħ f’Ars, villaġġ żgħir fi Franza, fejn hu kien kappillan.

Bil-ħidma tiegħu, għalkemm tidher sempliċi, imma sinċiera u ġenwina, ibbażata fuq ħajja eżemplari u mħabba lejn Ġesù, huwa kabbar il-familja tal-Parroċċa.

Huwa kien iddikjarat qaddis protettur tas-saċerdoti u tal-kappillani.

Aħna mdawwrin bi knejjes sbieħ u b’saċerdoti li lesti jagħtu servizz reliġjuż kuljum. Ħafna drabi aħna nieħdu din ir-rikkezza “for granted.” Ma napprezzawx din il-Famija, magħmula mill-Parroċċa tagħna, Famija li tgħaqqadna mal-Familja Universali — il-Knisja Kattolika.

Ejjew inwasslu lit-tfal għall-għarfien t’apprezzament tal-Familja fil-Parroċċa!

Ħeġġeġ lit-tfal jagħmlu proġett zgħir fuq il-Parroċċa tagħkom. Issuġġerilhom li jagħmluha ta’ ġurnalisti u jfittxu informazzjoni (jekk it-tfal għadhom żgħar, għaddilhom din l-informazzjoni inti). Ikun interessanti għalihom li jsibu okkażjoni li huma stess jitkellmu mal-kappillan u jsiru midħla tiegħu.

Jistgħu jiġbru informazzjoni fuq:

  • L-isem sħiħ tal-Kappillan
  • Ix-xogħol tal-Kappillan
  • Lil min iddedikata l-Parroċċa
  • Id-data tal-Festa tal-Parroċċa
  • Il-ħinijiet tal-Quddies
  • Jekk fil-Parroċċa hemmx:
    • Saċerdoti oħra
    • Knejjes oħra
    • Kunventi ta’ patrijiet u sorijiet
    • Għaqdiet tal-lajci li jaħdmu fil-Parroċċa

Numru ta’ Parroċċi flimkien jiffurmaw Djoċesi, li tkun immexxija minn Isqof. Il-Parroċċi ta’ Malta huma magħqudin f’Arċidjoċesi mmexxija mill-Arċisqof u mill-Isqof li jgħinu. Il-Parroċċi t’Għawdex huma magħqudin fi Djoċesi mmexxija mill-Isqof. It-tfal jistgħu jfittxu l-ismijiet ta’ dawn l-Isqfijiet.

Fit-talb mal-familja, ħeġġeġ lit-tfal ilissnu talb ta’ ringrazzjament lill-Mulej tal-Familja fil-Parroċċa, tal-knejjes li mdawrin bihom, tas-saċerdoti u tal-kappillan li jġibulna lil Kristu Ħaj fil-Parroċċa fl-Ewkaristija.

San Ġwann Maria Vianney twieled f’familja fqira ta’ bdiewa tant li hu kien jirgħa n-nagħaġ. Kienet ħafna diffiċli li Vianney isir saċerdot imma hu qatt ma qata’ qalbu. Meta sar qassis, hu kien kappillan ta’ Ars fejn hawn in-nies kellhom apatija lejn Alla imma bid-determinazzjoni tiegħu, Vianney ressaq ħafna nies lejn Alla speċjalment permezz tas-Sagrament tal-Qrar.

Illum għażel “puzzle” biex tagħmilha. Importanti li ma tieqafx f’nofs din l-attività biex inti titgħallem ma taqtax qalbek u tkun determinat biex tlesti din il-“puzzle.”

Logħba oħra hi li tpoġġi gallettina fuq moħħok. Bil-movimenti ta’ wiċċek biss, prova wassal il-gallettina sa’ ħalqek biex tikolha mingħajr ma tmissha b’idek! Jekk taqa’, taqtax qalbek, ibqa’ prova! Jekk tkun determinat jirnexxilek żgur!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.