
Il-Qaddisin San Timotju u San Titu jiċċelebraw il-festa tagħhom fl-istess jum (is-26 ta’ Jannar). L-għada tiġi l-festa tal-konverżjoni ta’ Missierna San Pawl. Insibu referenzi għal dawn il-qaddisin fl-Atti tal-Appostli u fi tliet ittri ta’ San Pawl.
Insibu lil Timotju u Titu fl-istorja tal-Knisja bikrija u jissemmew fil-Bibbja għax kienu tnejn mid-dixxipli li kienu jakkumpanjaw lil San Pawl; għax wara l-konverżjoni tiegħu fit-triq lejn Damasku, għamel vjaġġi missjunarji biex ixerred l-Aħbar it-Tajba li Kristu Rxoxt huwa l-Iben ta’ Alla
It-tixrid tal-Kristjaneżmu fil-Knisja tal-bidu ġab miegħu bosta sfidi: id-diffikultajiet tal-ivvjaġġar u l-ħtieġa li jissolvew kunflitti li kienu jinqalgħu minħabba opinjonijiet, twemmin u kulturi differenti. Timotju u Titu ffaċċjaw dan kollu flimkien ma’ Pawlu. Kull fejn kien imur Pawlu, kien jaħtar assistenti minn fost dawk li kienu jakkumpanjawh. Dawn imbagħad saru qassisin u isqfijiet – bl-għajnuna tad-djakni – biex ikomplu jxandru l-Evanġelju u jkomplu l-ħidma li kien beda Pawlu stess. Dan wassal biex tiġi stabbilita Knisja lokali. Kemm Timotju kif ukoll Titu ġew imsejħin biex iwettqu dawn ir-rwoli.
Timotju twieled f’Listra, fit-Turkija. Ommu u nanntu kienu Lhud li kienu kkonvertew għall-Kristjaneżmu. Missieru kien Ġrieg. Meta San Pawl wasal Listra fit-tieni vjaġġ missjunarju tiegħu, iltaqa’ ma’ Timotju. Aktar tard, hu telaq mid-dar, lill-ġenituri tiegħu u lil artu biex iseġwi u jakkumpanja lil San Pawl. Matul il-vjaġġi tagħhom, flimkien ma’ Sila, huma waqfu f’diversi postijiet biex ixandru l-messaġġ tal-Kristjaneżmu. Hu u San Pawl kienu ħbieb tal-qalb. Tant hu hekk li kien isejjaħlu “ibnu spiritwali” u li f’ittra lill-Filippin, iddeskrivih billi qal: “M’għandi lil ħadd bħalu.”
Fis-sena 64 WK, San Pawl ikkonsagra lil San Timotju bħala Isqof ta’ Efesu biex ikompli jibni il-knisja f’dik il-Belt. San Timotju sofra il-martirju permezz ta’ tħaġġir, meta pprova jwaqqaf ċelebrazzjoni ddedikata lil alla falz Diana billi beda jippriedka l-Evangelju.
San Titu kien Grieg, u x’aktarx kien mill-gżira ta’ Kreta. Huwa kkonverta għall-Kristjaneżmu meta San Pawl żar Kreta. Wara, sar is-segretarju u l-interpretu tiegħu. Hu akkumpanjah fil-vjaġġi tiegħu, anke meta dan tal-aħħar ivvjaġġa lejn Ġerusalemm għall-laqgħat important mal-Appostli l-oħra.
San Titu kien deskritt bħala “bniedem li jġib il-paċi, amministratur u missjunarju” filwaqt li San Pawl iddiskrivih bħala “tifel veru tiegħi fil-fidi” u bħala “sieħeb u kollaboratur.” Meta San Pawl kompla bil-vjaġġi missjunarji tiegħu, ħalla lil Titu fi Kreta biex ‘jirranġa l-affarijiet tal-Knisja hemmhekk’.
San Titu sar l-ewwel Isqof ta’ Kreta. Hu għex ħajja twila u miet mewta naturali.
