Il-ħajja ta’ San Tumas Aquino teħodna lura lejn iż-żmien medjevali, meta l-irħula kienu mibnijin madwar kastelli u monasteri kienu ċentri ta’ tagħlim.
Tumas twieled fis-sena 1225 ġewwa kastell f’Roccasecca fir-Reġjun ta’ Lazio fl-Italja. Missieru kien il-Konti Landulf ta’ Aquino u ommu kienet il-kuntessa Theodora ta’ Teano. Huwa kien jagħmel parti minn familja kbira ta’ tlett aħwa subien u ħamsa bniet.
Tumas qatta it-tfulija tiegħu minn ħamsa sa tlettaxx il-sena f’Monte Cassino, Monasteru famuż, fejn zijuh kien l-Abbati (Superjur) tal-Benedittini, biex jiriċievi l-edukazzjoni tiegħu. Il-ġenituri ta’ Tumas kienu qegħdin jittamaw li jilħaq Abbati, pożizzjoni għolja għan-nobilita f’dawk iż-żmienijiet. Iżda minħabba f’konflitti politiċi u militari, Tumas kellu jitlaq minn Monte Cassino u mar ikompli l-istudji tiegħu fl-Universita’ ta’ Napli li kienet għadha kif twaqqfet.
Bhala żagħżugħ, Tumas kien twil u qawwi, kien kwiet ħafna, imma kien tajjeb fl-istudji tiegħu. Il-laqam tiegħu kien ‘gendus mutu’ minħabba l-fatt li ma kienx iħobb jitkellem. Meta ma jitkellimx kien ikun qiegħed jisma, jaħseb u jirrifletti. Probabilment kien waqt l-istudji tiegħu fl-Universita’ li beda l-interess tiegħu fil-Filosfu Grieg Aristotile, u ħassu attirat lejn il-prinċipji filosofiċi tiegħu. Kien ukoll f’din l-Universita’ li ġie f’kuntatt mad-Dumnikani, Ordni ta’ Predikaturi li kien għadu kif ġie imwaqqaf minn San Duminku ta’ Guzman.
Meta Tumas kellu 19-il sena tilef lil-missieru. F’dan iż-żmien, Tumas iddeċieda li jidħol mad-Dumnikani. Il-familja ta’ Tumas inkurlaw għax il-pjan tagħhom kien li jidħol fl-Ordni Benedittin li kien jgħodd aktar għall-persuni nobbli. Tumas ġie maħtuf mill-familja tiegħu u żammewh magħluq għal madwar sena, fil-kastel tal-familja. Matul dan iż-żmien pruvaw jikkonvinċuh jibdel il-ħsieb tiegħu, huwa xorta kompla jistudja l-Iskrittura, kif ukoll, b’xi mod żamm kuntatt mad-Duminkani. Eventwalment ommu għenitu jaħrab fis-satra tal-lejl!
Tumas daħal mad-Dumnikani u ġie ordnat Saċerdot fis-sena 1250. Huwa mar Pariġi fejn kompla l-istudji tiegħu b’suċċess taħt San Albert il-Kbir. Meta kellu 26 sena, il-Papa tah it-titlu ta’ ‘Mgħallem tat-Teoloġija’.
Tumas qatta l-bqija ta’ ħajtu jikteb kummentarji fuq l-Iskrittura, jikteb priedki u kotba, minbarra diversi innijiet liturgiċi. Fl-istess ħin kompla jgħallem u jippriedka, jikkumbatti kontroversji f’taħdidiet fejn iddefenda l-Fidi Kattolika u jivvjaġġa lejn Pariġi, Napli, Oriveto u Ruma bħala it-Teologu Papali.
San Tumas D’Aquino jibqa magħruf għas-Summa Theologica, kapulavur fil-filosofija u teoloġija li ma kienx lestiha. Minbarra li huwa Duttur tal-Knisja, San Tumas huwa magħruf ukoll bħala ‘Id-Duttur Anġeliku’ probabilment minħabba il-kitba estensiva tiegħu dwar it-teoloġija tal-Anġli, barra minn hekk ġieli iddiskrivuh bħala ‘għalliem li kien qisu Anġlu’ ‘pur, b’saħħtu, qrib Alla u messaġġier tad-dawl divin’.
Il-kobor ta’ San Tumas mhux qiegħed biss fl-għerf tiegħu, imma ukoll għax kien jifhem veritajiet kumplikati dwar il-Fidi u wara kien jesprimihom b’modi li jistgħu jifthemu. San Tumas miet fi triqtu lejn il-Kunsill ta’ Lyons, ħalla warajh wirt ta’ argumenti filosofiċi u teoloġiċi dwar kif il-Fidi u Raġuni jistu jaħdmu flimkien biex jagħtu pedament il-verita waħdanija f’Alla.