Santa Marija de Rosa

15 ta’ Diċembru

Marija de Rosa twieldet Brescia fl-Italja, fl-1813. Mal-ewwel wieħed jaħseb li din it-tifla kellu jkollha l-ġmiel ta’ ħajja quddiemha. Missierha kien industrijalist u ommha kontessa. Hija kienet edukata flimkien ma’ ħutha l-oħra l-bniet mis-sorijiet fl-istess belt.

Imma meta kellha biss ħdax-il sena tilfet lil ommha b’marda terminali. Hi kellha titlaq mill-iskola biex tgħin lil missierha fl-Industrija tal-insiġ.

Sa mill-bidu, hi bdiet tieħu l-akbar interess fil-ġid tal-ħaddiema, speċjalment in-nisa u dawk li kienu jsofru mill-faqar u l-mard. Il-ħajja tagħha meta kienet żagħżugħa kienet mimlija inkwiet u taħwid. Meta kellha biss 23 sena faqqgħet epidemja tal-kolera. Il-kolera hija marda serja li tinxtered permezz tal-ilma kkontaminat. Kienet toqtol lil min jixorbu wara ftit siegħat.

Imbagħad fl-1848 Brescia għaddiet minn gwerra kiefra magħrufa fl-istorja bħala “L-għaxart ijiem ta’ Brescia”. It-truppi attakkaw il-belt, ħafna minn nies ġew maqtula u kollox ġie misruq. Marija mill-ewwel telqet il-kumdità ta’ darha u marret tgħin sew spiritwalment kif ukoll moralment lil dawk milquta mill-kolera kif ukoll fuq il-kamp tal-battalja.

Eventwalment bdiet kongregazzjoni ta’ sorijiet, magħrufa bħala l-Qaddejja tal-Karità biex jieħdu ħsieb il-morda, dawk li qed isofru u lill-fqar. Marija de Rosa kienet pijuniera fil-kamp soċjali.

Wara li għaddiet ħajjitha tati servizz lill-proxxmu, hi mietet fi Brescia fil-15 ta’ Diċembru, 1855 u kellha 42 sena. Kienet iddikjarata qaddisa minn San Piju XII fil 1954.

Illum ix-xogħol soċjali jitqies bħala professjoni. L-għan hu li tgħin lil min ikun qed ibati jifhem id-diffikultajiet li għaddej minnhom u li tgħinu jġib  ̛l quddiem is-sitwazzjoni tiegħu. Illum ħafna żgħażagħ li  jinteressaw ruħhom f’dan ix-xogħol qed imorru jistudjaw l-Università biex isiru social workers.

Iddiskuti mat-tfal (speċjalment dawk akbar fl-età), x’jaħsbu li għandhom ikunu  xi kwalitajiet ta’ social worker. 

Staqsi x’jaħsbu dwar jekk hemmx bżonn ta’ social workers llum il-ġurnata? Jikkunsidraw li la jikbru jsiru social workers?

Din iż-żagħżugħa ħasset il-ħtieġa li taġixxi fuq bażi volontarja fiż-żmien meta l-belt fejn kienet tgħix kienet maħkuma minn taqlib kbir ikkawżat mill-mard u l-gwerra. Dak iż-żmien, ma kienx hemm organizzazzjonijiet volontarji biex jindirizzaw sitwazzjonijiet estremi bħal dawn.

Ħeġġeg lit-tfal il-kbar biex ifittxu fuq l-internet fuq organiżżazzjonijiet bħas-Salib l-Aħmar u  Tobba Mingħajr Fruntieri. Dawn jirrispondu għal emerġenzi kkawżati minn gwerer, diżastri naturali u epidemiji. Organiżżazzjoni bħal Caritas tgħin lin-nies fil-faqar u sitwazzjonijiet soċjali diffiċli.  Ħafna nies ġenerużi jaħdmu volontarjament fi dan dawn l-organiżżazzjonijiet u jagħtu l-ħin u l-enerġija tagħhom biex jgħinu lin-nies fil-bżonn.

Fittex xi xogħol volontarju li jsir fil-parroċċa tiegħek.

It-tfal jistgħu jgħinu wkoll f’dak li jinqala’ fil-familja mingħajr ma jistennew żieda fil-pocket money tagħhom. 

Hemm miktub li waqt il-Gwerra ta’ Brescia li semmejna, is-suldati attakkaw l-isptar fejn Marija u sħabha s-sorijiet kienu qed jgħinu lill-feruti u s-suldati li kienu qed imutu. Marija b’ħafna fidi u b’talb ferventi qabdet Kurċifiss kbir, fetħet il-bieb tal-isptar u għollietu faċċata tas-suldati. Alla sema’ t-talba tagħha. Is-suldati telqu lura u l-bieb ingħalaq. Marija emmnet li Alla jisma’ t-talb tagħha. 

  • Għin lit-tfal jiftakru f’sitwazzjonijiet fejn huma beżgħu ħafna, kienu diżappuntati jew kellhom ħafna ħsibijiet negattivi. X’kienu jagħmlu? Jekk huma ma jsemmux it-talb issuġġerieh inti stess.
  • Għinhom jaħsbu xi jħossu meta jaraw li Alla ma jkunx sema’ t-talb tagħhom. 

It-tfal għandhom ikunu jafu li huma speċjali għal Alla u li hu jridhom jitolbuH meta jkollhom bżonn. 

Spjegalhom li xi kultant Hu jħallina nistennew, sabiex nitgħallmu nistennew, nkunu paċenzjużi u nafdaw fih. (Uża eżempji mill-ħajja ta’ kuljum meta mhux dejjem tgħid ‘iva’ għat-talbiet kollha tagħhom.)

Marija de Rosa kienet frontliner. Dawk li huma frontliners huma dejjem magħna; fosthom insibu tobba u infermiera, pulizija u suldati. Huma jiżguraw is-sigurtà u l-ħarsien tagħna.

Tista’ torganizza xi Prayer Time aktar twil biex ikun ħin speċjali fl-Avvent.  Tajjeb li t-tfal jitolbu għall-frontliners.

Agħlaq b’talba ta’ fiduċja fil-Mulej u b’innu ta’ tama, bħal pereżempju:  Amazing Grace, Kemm Inti Kbir, jew xi innu tal-Avvent. 

Din il-mara għanja għenet u serviet lill-foqra, lil dawk fil-bżonn u lill-morda, anke waqt l-epidemija tal-Kolera li laqtet ħażin ħafna l-belt ta’ Brescia, fl-Italja, fl-1836. 

Hi kienet “frontliner” kbira!

Illum aħna wkoll qegħdin ngħixu waqt pandemija u għandna ħafna x’nirringrazzjaw lill-“frontliners”! Agħmel kartolina jew poster żgħir biex tirringrazzja lil dawk il-“frontliners” li taf, fosthom tobba, “nurses,” pulizija, ħaddiema fil-ħwienet essenzjali, għalliema, u ħafna “frontliners” oħrajn. U tinsiex tibgħatilna l-kartolina jew il-poster qabel tibgħatha lill-“frontliners” biex inkunu nistgħu ntellgħuha fuq is-sit tagħna!

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.