
Il-Qaddisin Perpetwa u Feliċita huma fost il-martri tal-Knisja Nisranija tal-bidu, li kienu maqtula fis-sena 203 W.K. f’Kartaġni fl-Afrika ta’ Fuq (it-Tuneżija). Kien matul ir-renju tal-Imperatur Severu, li kien ikkmanda li ħadd ma seta’ jitgħammed biex isir Nisrani, li dawn iż-żewġ nisa żgħażagħ ġew maqtula minħabba l-lealtà tagħhom lejn il-fidi f’Ġesù Kristu.
Ħafna drabi leġġendi u tradizzjonijiet idawru l-ħajja tal-qaddisin u l-martri li għexu żmien twil ilu. Madankollu, fil-każ ta’ dawn iż-żewġ martri, għandna l-eqdem u l-aktar informazzjoni l-iżjed antika, meħuda minn djarju li żammet Perpetwa fl-aħħar jiem ta’ ħajjitha qabel ma mietet.
Perpetwa kienet mara nobbli ta’ 22 sena li kienet għadha tredda’ lit-tarbija tagħha. Feliċita kienet l-iskjava tagħha u kellha tmien xhur tqala. Kienu katekumeni li kienu qed jistudjaw il-Fidi Nisranija bi preparazzjoni għall-magħmudija. Fil-fatt Perpetwa u sħabha kienu mgħammda bil-moħbi fil-ħabs qabel ma ġew maqtula. Flimkien ma’ erba’ katekumeni oħra ġew ikkundannati biex jintefgħu qalb il-bhejjem selvaġġi
Omm Perpetwa kienet tieħu lit-tarbija l-ħabs biex Perpetwa tkun tista’ tkompli treddgħu, imma wara li qatluha, it-tifel ġie meħud biex jitrabba mal-familja. Feliċita welldet tarbija li kienet tifla ftit qabel ma qatluha. Imbagħad, ħadu lit-tifla biex titrabba għand familja Kristjana.
Iż-żewġ qaddisin huma onorati mill-Knisja Kattolika, hekk kif mhux biss jinsabu mniżżla fil-Kalendarju Liturġiku, iżda jissemmew ukoll fit-Talb Ewkaristiku tal-Quddiesa.
