Santa Tereża ta’ Avila

15 ta' Ottubru

Tereża twieldet f’Avila, Spanja, nhar it-28 ta’ Marzu 1515.  Kienet it-tielet wild f’familja ta’ disa’ aħwa. Missierha, Don Alfonso, negozjant għani tas-suf u ommha, Doña Beatriz, kienu t-tnejn iġorru ismijiet prominenti li kienu jirriflettu prożizzjoni għolja f’Avila. Hi saret magħrufa sempliċiment bħala Santa Tereża ta’ Avila!  

Tereża trabbiet f’ambjent nisrani u reliġjuż ħafna, fejn kienu jisimgħu stejjer dwar qaddisin u martri.  Meta kellha seba’ snin, hi u ħuha ż-żgħir, wara li qraw xi ħajjiet ta’ qaddisin martri, ġiethom f’moħħhom li jmorru għall-Missjoni biex imutu martri, iżda ma laħqux tbiegħu wisq mid-dar meta ltaqgħu ma’ zijuhom u ħadhom lura għand ommhom. Darba oħra ddeċidew li jgħixu ta’ eremiti, u għalhekk bnew għerejjex żgħar mill-friegħi u l-ġebel li kellhom fil-ġnien tagħhom.

Meta Tereża kellha 14-il sena, mietet ommha u ħajjitha nbidlet mil-lejl għan-nhar.  Hija poġġiet lilha nnifisha taħt il-protezzjoni tal-Madonna u talbitha biex tkun ommha. Ftit wara, madankollu, ħajjitha ħadet xejra differenti wara li saret ħabiba ma’ waħda mill-kuġini tagħha. Tereża ntilfet fi stejjer romantiċi u ta’ erojiżmu, bdiet timxi mal-moda u tieħu pjaċir tilbes ħwejjeg fini, tuża l-fwieħa u ġojjelli.

Meta missierha nduna b’dawn il-bidliet fil-personalità ta’ bintu, iddeċieda li jibgħatha għand is-sorijiet Agostinjani biex titgħallem.  Iżda, wara tmintax-il xahar, Tereża mardet serjament bil-malarja. Hija ntbagħtet id-dar biex tgħix ma’ oħtha fil-kampanja.  Kien proprju f’dan il-perjodu ta’ ħajjitha li ddeċidiet li tidħol soru Karmelitana.  Billi missierha ma riedhiex, għalhekk Tereża telqet mid-dar bil-moħbi u marret fil-Kunvent tal-Inkarnazzjoni, barra minn Avila, fejn ġiet aċċettata biex tidħol soru.

Wara l-professjoni reliġjuża tagħha, Tereża reġgħet mardet serjament u kellha tmur lura id-dar.  Kien biss wara tlett snin – żmien li matulu kienet bejn ħajja u mewt – li rritornat fil-kunvent, fejn il-ħajja kienet pjuttost pjaċevoli!  Is-sorijiet kellhom kmamar privati, kienu jilbsu l-ġojjellerija, iżommu l-annimali domestiċi u jitħallew jilqgħu kull tip ta’ viżitatur.  Tereża kienet tieħu pjaċir tkun ma’ nies li kienu jammiraw l-għerf u l-personalità tagħha.

Tereża bdiet issir konxja li dawn il-prattiċi kienu  qed ibiegħduha mit-talb u mit-tfittxija għall-għaqda ma’ Alla.  Meta t-talb tagħha beda jsir aktar profond, bdiet tgawdi esperjenzi spiritwali li bdew jitqiesu bħala delużjoni.  Imma dan l-għarfien profond wassalha biex tieħu deċiżjoni li tirriforma l-Ordni Karmelitan.  Madankollu, l-isforzii tagħha biex issir ir-riforma, sabet oppożizzjoni kif ukoll kompliet tigi ġġudikata b’ħafna ħruxija u mifhuma ħażin.

Meta kellha 43 sena, bl-appoġġ tad-Direttur Spiritwali tagħha, hi ħadet deċiżjoni li twaqqaf kunvent ġdid ibbażat fuq ħajja sempliċi u talb: il-pedamenti tal-Ordni Karmelitan Kontemplattiv.  Dawk li ngħaqdu magħha bdew jissejħu Karmelitani Skalzi minħabba l-fatt li kienu jimxu bla żraben jew inkella b’sandli mill-aktar sempliċi.  Aktar tard, bil-għajnuna ta’ San Ġwann tas-Salib, li dak iż-żmien kien għadu saċerdot żagħżugħ, twaqqfet ukoll il-fergħa maskili tal-Karmelitani Skalzi.

Minkejja t-tbatija tal-ivvjaġġar, hija vvjaġġat minn Spanja, għaddiet mill-Portugall u waslet sal-Mediterran; qasmet muntanji u xmajjar, ivvjaġġat fuq toroq fi stat ħażin ħafna, kienet tgħix f’postijiet skomdi u tiekol mill-inqas. Sa ma  mietet fl-età ta’ 67 sena, kienet waqqfet 16-il kunvent.

Santa Tereża ta’ Avila ġiet deskritta bħala ‘mistika’ għaliex, permezz tat-talb mentali profond tagħha, esperjenzat ‘unjoni profonda ta’ mħabba ma’ Alla.’ Hija ġiet ukoll iddikjarata ‘Duttur tal-Knisja’.

Enjoy the videos and music that you love, upload original content and share it all with friends, family and the world on YouTube.

Minkejja l-ostakli kollha, Santa Tereża baqgħet soda ssegwi r-rieda ta’ Alla għaliha. UIiedna għandhom bżonn il-virtù jew il-ħila tal-perserveranza, mhux biss matul is-snin tal-iskola u l-karriera, iżda għall-bqija ta’ ħajjithom speċjalment meta jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli.

L-iżvilupp ta’ dan il-virtù jsaħħaħ il-kunfidenza tagħhom fihom infushom u jbiegħed il-biża’ tal-falliment hekk kif huma ‘jħaddnu l-falliment’ u jkomplu mexjin ’il quddiem.

Gwidahom biex jistabbilixxu miri għal żmien qasir, billi jadottaw l-atteġġjament ta’ ‘pass wieħed kull darba’.  Evita li tgħaġġel wisq biex tgħin, iċċelbra r-riżultat, ikun xi jkun u agħraf l-isforzi tagħhom. Hekk kif tanalizza magħhom x’mar ħażin, kif u meta għandhom jitolbu l-għajnuna, huma jitgħallmu jirrealizzaw li jistgħu jiksbu riżultati aħjar jekk jippersistu u jagħmlu sforz akbar.

Ħallihom jarawna bħala mudell meta jarawna nippersistu meta l-affarijiet isiru diffiċli.

It-talb kien ‘is-sostenn tal-ħajja’ ta’ Santa Tereża.

  • Introduċi l-kunċett tat-talb spontanju lit-tfal bħala mument biex ‘jitkellmu ma’ Ġesù’. 
  • Uża l-eżempju tal-esperjenza tagħhom stess meta jitkellmu ma’ ommhom, missierhom jew ħuthom malli jirritornaw mill-iskola – jitkellmu dwar dak li għamlu, il-mumenti ta’ ferħ u ta’ niket, u s-suċċessi jew id-diżappunti tagħhom.
  • F’mument ta’ skiet, nistgħu wkoll ‘nitkellmu’ ma’ Ġesù dwar dan kollu anke mingħajr ma ngħidu kelma waħda; nistgħu nkellmuh fis-skiet, anke fi qalbna, għax Ġesù jaf il-ħsibijiet u s-sentimenti tagħna.
  • Introduċi l-idea li tiffoka t-talb verbali jew mentali tiegħek lil Ġesù madwar dawn il-kliem: “Inħobbok”, “Skużani”, “Jekk jogħġbok”, u “Grazzi”. Tista’ tikkunsidra li tħejji karti jew noti b’dawn l-espressjonijiet biex tirreferi għalihom.

Ħin tat-Talb mal-Familja

  • Oħloq atmosfera ta’ talb u ħeġġeġ it-tfal jesprimu t-talb tagħhom bil-fomm jew fis-skiet dwar tema magħżula.
  • Ġesù tana eżempju tat-talba perfetta, fit-talba tal-Missierna.
  • Għiduha jew kantawha flimkien.  Komplu b’mument ta’ silenzju.
  • Araw:  “The Lord’s Prayer”.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.