
Santa Tereża tal-Bambin Ġesù hi magħrufa wkoll bħala Santa Tereża ta’ Lisieux, “il-fjura ż-żgħira” u wkoll Santa Tereża “tal-ward.”
Tereża kienet tara lilha nnifisha bħala “fjura żgħira ta’ Ġesù” għax qabblet lilha nnfisha ma’ fjura żgħira selvaġġa li tikber mingħajr ħadd ma jinduna biha, iżda li tibqa’ tikber u tagħti glorja lil Alla fis-sempliċità tagħha. Hija stqarret li wara mewtha kienet se twaqqa’ “xita ta’ ward” mis-sema, għax anke wara mewtha riedet tkompli twettaq il-missjoni tagħha li twassal biex Alla jiġi maħbub.
Ftit snin qabel mewtha, Tereża kitbet l-awtobijografija tagħha: “L-Istorja ta’ Ruħ” li hi kitbet b’ubbidjenza tal-konfessur, irrevelat lid-dinja s-sbuħija meraviljuża tal-ħajja interjuri li fil-kas tagħha lanqas is-sorijiet sħabha ma kienu ndunaw biha. Dan il-ktieb hu magħruf mad-dinja kollha u mfittex minn kull kategorija ta’ nies.
Santa Tereża hija magħrufa wkoll għall-“Mixja ż-Żgħira” tagħha. Hi għexet ħajjitha bl-aħjar mod li setgħet tgħixha, tafda dejjem fl-imħabba u fil-ħniena t’Alla, bħal tifla żgħira.
Sa minn età żgħira ħafna, Tereża xtaqet issir qaddisa. Fl-età ta’ 15-il sena, daħlet fil-Monasteri tal-Karmelitani wara li kisbet permess mill-Papa Ljun XIII. Għalkemm matul ħajjitha ffaċċjat diffikultajiet biex issib il-vokazzjoni vera tagħha, hija għexet ħajja qaddisa billi għamlet kollox bl-imħabba u f’fiduċja sħiħa f’Ġesù. Maż-żmien, indunat li l-vokazzjoni tagħha — dik li taqdi lil Alla — kienet tikkonsisti fl-imħabba.
