Sant’Anna u San Ġwakkin

26 ta’ Lulju

Dawn iż-żewġ qaddisin huma meqjusa bħala l-ġenituri tal-Madonna. Isimhom ma jissemmiex fl-Iskrittura, imma isimhom hu bbażat fuq Tradizzjoni li nsibuha f’kitbiet li jissejħu Apokrafi.

Però huma kellhom irwol kruċjali fil-Pjan t’Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem. Kien permezz tagħhom li Marija kellha l-bidu tagħha bħala l-unika persuna mingħajr id-dnub oriġinali. Dan hu twemmin li l-Knisja Kattolika tiċċelebrah fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni (nhar it-8 ta’ Diċembru).

Ħafna drabi lil dawn iż-żewġ qaddisin inħarsu lejhom b’rabta mal-anzjani u n-nanniet.

Sant’Anna u San Ġwakkin welldu lil Marija bla dnub biex tkun Omm l-Iben t’Alla. Dak kien il-pjan t’Alla għalihom.

Mat-tfal li huma adoloxxenti zgħar, wieħed jista’ jitkellem fuq il-Pjan t’Alla għalina, it-triq li trid terġa’ twassalna għandu (naturalment, b’mod sempliċi!). Alla għandu pjan għal kull wieħed u waħda minna. Din hi dik li nsejħulha ‘Vokazzjoni.’

Oħloq djalogu mat-tfal:

  • Isma’ l-ħsibijiet tagħhom
  • Saħħaħ ideat pożittivi
  • Għinhom jidentifikaw persuni li jistgħu jgħinu/jfixklu dan il-pjan.

Fit-talb ta’ meta l-familja tkun flimkien, minbarra li nressqu fit-talb tagħna lejn Ġesù lin-nanniet tagħna, niftakru wkoll f’dawk l-anzjani li qegħdin weħidhom, f’dawk li ma jmur jarahom ħadd.

Dawn huma omm il-Madonna u n-nanniet ta’ Ġesù! Huma kienu jitolbu ħafna u kienu familja sabiħa ħafna, tant li Alla bagħtilhom lil Marija, dik li kellha tkun Omm Ġesù!

Dawn iż-żewġ persunaġġi, għalhekk, huma marbuta mal-imħabba tan-nanniet lejn in-neputijiet u viċi versa.

Illum agħmel kartolina sabiħa lin-nanniet tiegħek biex turihom kemm tħobbhom u li titlob għalihom, għalhekk tinsiex tikteb messaġġ sabiħ.

It-tfal li m’għandhomx nanniet jistgħu xorta jippreparaw kartolina indirizzata b’mod differenti għal xi membru anzjan tal-familja, forsi xi zija, li forsi ilhom ma jaraw.

Kif qegħdin fil-vaganzi nistgħu mhux biss immorru narawhom biex nagħtuhom kartolina imma nistgħu ngħaddu ftit ħin itwal magħhom, forsi biex naqduhom f’xi faċenda ħafifa, ngħaddu ġurnata magħhom nisimgħu l-istejjer tagħhom.

Jekk qegħdin f’Dar tal-Anzjani nistgħu nippreparaw aktar minn kartolina waħda, b’xi ħsieb pożittiv, u ngħadduhom lil dawk li jkunu qrib tan-nanniet. U jekk sirna nafu mill-qrib xi anzjan/a fil-parroċċa, infittxu li nkellmuh/a meta narawh/a. Għal dawn l-anzjani, tbissima u tislima ta’ “Bonġu” tfisser ħafna.

Ma nħallux ħafna ġranet jgħaddu mingħajr ma nagħmlu kuntatt magħhom. Jekk ma nistgħux immorru ħdejhom, inċemplulhom biex nuruhom li ħsibna fihom.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.