Sant’Anton Abbati

17 ta' Jannar

Sant’Anton għex bejn is-snin 251 u 360 W.K. Hu twieled f’Koma, fl-Eġittu ta’ fuq. Kien ġej minn familja nisranija u trabba żagħżugħ mimli rispett u ubbidjenza. Hu u oħtu wirtu ġid kbir wara l-mewt tal-ġenituri tagħhom. Kellu biss wieħed u għoxrin sena. 

Kien proprju f’dak iż-żmien, waqt ċelebrazzjoni fil-knisja, li laqtitu ħafna sentenza mill-Evanġelju ta’ San Mattew (Mt 19:21): “Jekk trid tkun perfett, mur biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Dik is-sentenza wasslitu biex ibiddel ħajtu.

U hekk għamel. Biegħ dak kollu li kellu, ta l-flus lill-foqra u daħħal lil oħtu f’kunvent biex in-nisa twajba li kienu jgħixu hemm jieħdu ħsiebha.  Telaq mill-belt u mar jgħix f’għarix; kien jgħix minn dak li kien jaqla’ billi jagħmel it-twapet.  Aktar tard mar fid-deżert, fejn għadda l-bqija ta’ ħajtu fis-solitudni. Sar magħruf bħala wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert, hekk kif persuni qaddisa oħra mxew fuq il-passi tiegħu biex jgħixu ħajja solitarja fid-deżert. 

Ħajtu fid-deżert kienet ikkaratterizzata mill-penitenzi, is-sagrifiċċju, it-talb kontinwu fis-silenzju u l-kontemplazzjoni.  Madankollu, bata ħafna minħabba t-tentazzjonijiet qawwija li kienu jinvolvu dubji dwar jekk kienx qed jagħmel it-tajjeb f’ħajtu, kif ukoll minħabba l-isforzi tiegħu biex iżomm qalbu safja.  

Minkejja dan, hu ħalla d-deżert darbtejn għal xi żmien qasir: l-ewwel darba biex jagħmel kuraġġ lill-insara li dak iż-żmien kienu qed jiġu ppersegwitati, u mbagħad biex jippriedka kontra grupp ta’ nies – magħrufa bħala eretiċi – li kienu qed ixerrdu Duttrina żbaljata dwar Ġesù Kristu. Sant’Anton Abbati spiss jiġi rappreżentat b’ħanżir fejn saqajh. Jingħad li kien akkumpanjat minn ħanżir li kien salva u fejjaq. Hu magħruf bħala l-protettur tal-annimali domestiċi. F’xi parroċċi, f’dan il-jum, in-nies jieħdu l-annimali tagħhom għand il-Kappillan biex iberikhom.

Mhuwiex faċli li ngħaddu lit-tfal tagħna l-kunċett tal-ħajja ta’ Sant’Anton bħala wieħed mill-Missirijiet tad-Deżert.   Tista’ tikkunsidra li tuza mappa biex issib l-Eġittu u d-deżert – post nieqes minn kull forma ta’ abitazzjoni, ‘il bogħod mill-irħula u l-ibliet.  Tista’ tenfasizza d-differenza bejn dan l-ambjent u dak li t-tfal huma mdorrijin bih: bla djar u ħwienet, bla televiżjoni, radju, mowbajs u tablets!

Anton mar jgħix f’dan it-tip ta’ post, u ħalla kollox warajh, biex ikun f’kuntatt eqreb ma’ Alla.  Għex ħajja ta’ eremita, iddedikata għat-talb, is-solitudni (li tkun waħdek) u l-penitenza.   Mar jgħix fid-deżert biex iwettaq dak li ħass li ried jagħmel ħalli jkun qrib ta’ Alla.

Hawn tajjeb li nispjegaw lit-tfal li biex inkunu bħal Sant’Anton m’għandniex għalfejn immorru ngħixu fid-deżert, naħarbu x’imkien biex inkunu waħedna jew inħallu lill-familja u r-responsabbiltajiet tagħna warajna.  Nistgħu nimxu wara Ġesù kull fejn inkunu. Hu dejjem preżenti f’ħajjitna. Izda, bħal Sant’Anton insibu li dan mhux dejjem faċli! Aħna wkoll ikollna t-tentazzjonijiet. It-tentazzjoni hija ġlieda go fina u madwarna. Irridu nirbħu l-ħazin bit-tajjeb. Din hija ġlieda interna u deċiżjoni biex nagħmlu dak li hu tajjeb.

Għin lit-tfal biex jidentifikaw sitwazzjonijiet fejn iħossu din it-taqbida fihom infushom. Tista’ tagħti eżempji adattati għall-età tat-tfal u relatati ma’ esperjenzi prattiċi tal-familja.

  • li jmorru malajr meta jiġu msejħa
  • li ma jissuppervjawx meta jiġu kkoreġuti
  • li jikkontrollow ir-rabja
  • li jagħmlu dak li hu dmirhom
  • l-imġieba tajba ma’ ħuthom u mal-ħbieb

Ħin tat-Talb mal-Familja: 

Tista’ tikkonsidra esperjenza ta’ talb differenti. Tibda b’meditazzjoni u tista’ ssejjaħlu Ħin Speċjali ta’ Skiet ma’ Ġesù. Ħejji t-tfal minn qabel: baxxi d-dawl, ixgħel xemgħa, irranġa l-pożizzjoni fejn se joqogħdu bilqiegħda u ħejji mużika baxxa u kalma.

Inkuraġġixxi t-tfal jagħlqu għajnejhom, u joqgħodu ftit fil-kwiet fil-preżenza ta’ Ġesù.

Il-ġenituri ta’ Sant’Anton mietu meta kien żagħżugħ. Hu kellu jieħu ħsieb lil oħtu ż-żgħira.  Ħassu megħlub mis-sitwazzjoni, u għalhekk dar lejn Alla u offra ħajtu lilu.  Hu ta dak kollu li kellu lill-foqra u beda jgħix ħajtu bħala eremita, fid-deżert. Kien ispirat mill-Evanġelju ta’ San Mattew (Mt 19:21).

Oħloq l-ispazju ta’ talb tiegħek.

Sant’Anton għex ħafna minn ħajtu waħdu jitlob lil Alla. Illum il-ġurnata nsibuha diffiċli sabiex nsibu dan il-ftit ħin għall-kwiet u nqattgħuh ma’ Ġesù.

Għalhekk ninkoraġġixxu biex issib rokkna fid-dar tiegħek u toħloq tinda biex titlob u taqra dwar Alla.

Din tista’ tkun kartuna, tinda żgħira kulurita, siġġu komdu etċ… Żejjen dan bi stampi, ġib il-Bibbja u qatta’ ftit ħin waħdek ma’ Ġesù. Dan jista’ jgħinnek tiffokka aktar fuq Ġesù fit-talb.

Tinsiex taqsam magħna ritratt ta’ din ir-rokna.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.