L-Evanġelju tal-lum isegwi eżatt ma’ tal-ġimgħa l-oħra. In-nies kuntenti għax Ġesù tahom jieklu u xebgħu. Lill-appostli li kienu għajjiena jgħidilhom iwarrbu u hu jibqa’ waħdu biex jitkellem man-nies u jgħidilhom imorru lura fid-djar tagħhom. Jekk niftakru sew, l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, beda li Ġesù xtaq imur għalih waħdu, imma n-nies marru warajh. Issa wasal il-ħin li Ġesù qiegħed waħdu u jmur jitlob. L-Evanġelju jgħidilna li dam mhux ħażin jitlob għaliex meta Ġesù mar lejn id-dgħajsa kienet “ir-raba’ sahra” jiġifieri kien wara t-tlieta ta’ filgħodu.
Din l-ewwel parti għalhekk turina l-bżonn tat-talb fil-ħajja tagħna. Jekk Ġesù ħass il-bżonn li jitlob u li jkun viċin tal-Missier Alla, kemm aktar aħna għandu jkollna dan il-bżonn.
Din is-silta tgħidilna li l-appostli, x’aktarx, ma kienux reqdin għax il-baħar kien imqalleb. L-għejja u l-biża jwassalhom biex jaħsbu li Ġesù kien fantażma. Wara kollox qatt ma stennew li jaraw lil Ġesù ġej miexi lejhom fuq il-baħar! Ġesù, malajr jagħmlilhom il-qalb u jurihom min hu u jgħidilhom biex ma jibżgħux. Din il-ġrajja tfakkarna f’episodju ieħor, meta l-appostli kienu fuq id-dgħajsa u l-baħar kien imqalleb. Imma dakinhar Ġesù kien qiegħed magħhom. Dakinhar ukoll kienu mbeżżgħin, u Ġesù kien rieqed. Ġesù juża dawn iż-żewġ episodji biex juri min hu, biex ikabbar il-fidi tagħhom, biex jifhmu u jemmnu li hu dejjem se jkun magħhom u jieħu ħsiebhom.
Pietru, ried imur ħdejn Ġesù … ma’ niżilx jgħum u mar ħdejh! Ried bħal kieku jassigura ruħu li fil-fatt dan kien Ġesù, u għalhekk jgħidlu biex huwa wkoll jimxi fuq il-baħar. Ġesù jippermetti li dan iseħħ. Il-baħar għadu mqalleb u Pietru rnexxielu jimxi lejn Ġesù, iżda f’daqqa waħda bdiet tonqoslu l-fidi u beda jegħreq. Pietru jibża’ u jitlob lil Ġesù jsalvah u Ġesù hekk jagħmel. Iċanfru bi ħlewwa għan-nuqqas ta’ fidi tiegħu. Ġesù jaf id-dgħufija ta’ Pietru, kif jaf id-dgħufija tagħna.
It-tnejn jaslu fuq id-dgħajsa u l-baħar jikkalma biex tkompli tispikka l-qawwa ta’ Ġesù. U l-appostlu jagħrfuh, jadurawh, iqimuh u jagħrfuh ukoll bħala Iben Alla.
Dan l-episodju jirrifletti ħafna l-fidi tagħna wkoll. Meta kollox sew, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tkun tajba, imma fid-diffikultajiet, il-fidi tibda tmajna. Ġesù ried lill-appostli jissaħħew fil-fidi, għalhekk kien jippermetti dawn il-ġrajjiet. Irid il-fidi tagħna tissaħħaħ ukoll, għalhekk ikellimna permezz ta’ dawn l-episodji. Ġesù ma kkalmax il-baħar qabel ma’ Pietru beda miexi fuq il-baħar. Fil-ħajja se ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli u iebsa, meta l-fidi tagħna se tkun ppruvata. Ġesù mhux se jisparixxielna dawn is-sitwazzjonijiet, imma jassigurana li qiegħed magħna. Kif Pietru beda jegħreq, Ġesù malajr ħareġ idejh biex isalvah. Magħna jagħmel eżatt l-istess. Bħal Pietru, irid ikollna l-kuraġġ. Xi kultant dak li jitlob minna Ġesù mhux faċli. Ikun jitlob li noħorġu mid-dgħajsa. Vera li fid-dgħajsa aħna m’aħniex sew, għax hemm il-maltemp, imma jista’ jkun li drajnieh. Irid ikollna l-kuraġġ u mmeddu saqajna fil-baħar imqalleb għax nafdaw fil-preżenza ta’ Ġesù u fl-għajnuna tiegħu. Bħal Pietru jista’ jkun li mbagħad nidubitaw ħadniex deċiżjoni tajba, u nibdew negħrqu. Meta jiġri dan, irridu nduru lejn Ġesù u nitolbuh isalvana.
Niftakru li bħala ġenituri nservu ta’ mudel u xhieda, primarjament għat-tfal tagħna. Jekk aħna nafdaw f’Alla, lit-tfal, mingħajr ma nafu, inkunu qegħdin nderruhom jafdaw fih ukoll.