Ordnali, niġi ħdejk fuq l-ilma

Id-19-il Ħadd ta’ Matul is-Sena

L-Evanġelju tal-lum isegwi eżatt ma’ tal-ġimgħa l-oħra. In-nies kuntenti għax Ġesù tahom jieklu u xebgħu. Lill-appostli li kienu għajjiena jgħidilhom iwarrbu u hu jibqa’ waħdu biex jitkellem man-nies u jgħidilhom imorru lura fid-djar tagħhom. Jekk niftakru sew, l-Evanġelju tal-Ħadd li għadda, beda li Ġesù xtaq imur għalih waħdu, imma n-nies marru warajh. Issa wasal il-ħin li Ġesù qiegħed waħdu u jmur jitlob. L-Evanġelju jgħidilna li dam mhux ħażin jitlob għaliex meta Ġesù mar lejn id-dgħajsa kienet “ir-raba’ sahra” jiġifieri kien wara t-tlieta ta’ filgħodu.

Din l-ewwel parti għalhekk turina l-bżonn tat-talb fil-ħajja tagħna. Jekk Ġesù ħass il-bżonn li jitlob u li jkun viċin tal-Missier Alla, kemm aktar aħna għandu jkollna dan il-bżonn.

Din is-silta tgħidilna li l-appostli, x’aktarx, ma kienux reqdin għax il-baħar kien imqalleb. L-għejja u l-biża jwassalhom biex jaħsbu li Ġesù kien fantażma. Wara kollox qatt ma stennew li jaraw lil Ġesù ġej miexi lejhom fuq il-baħar! Ġesù, malajr jagħmlilhom il-qalb u jurihom min hu u jgħidilhom biex ma jibżgħux. Din il-ġrajja tfakkarna f’episodju ieħor, meta l-appostli kienu fuq id-dgħajsa u l-baħar kien imqalleb. Imma dakinhar Ġesù kien qiegħed magħhom. Dakinhar ukoll kienu mbeżżgħin, u Ġesù kien rieqed. Ġesù juża dawn iż-żewġ episodji biex juri min hu, biex ikabbar il-fidi tagħhom, biex jifhmu u jemmnu li hu dejjem se jkun magħhom u jieħu ħsiebhom.

Pietru, ried imur ħdejn Ġesù … ma’ niżilx jgħum u mar ħdejh! Ried bħal kieku jassigura ruħu li fil-fatt dan kien Ġesù, u għalhekk jgħidlu biex huwa wkoll jimxi fuq il-baħar. Ġesù jippermetti li dan iseħħ. Il-baħar għadu mqalleb u Pietru rnexxielu jimxi lejn Ġesù, iżda f’daqqa waħda bdiet tonqoslu l-fidi u beda jegħreq. Pietru jibża’ u jitlob lil Ġesù jsalvah u Ġesù hekk jagħmel. Iċanfru bi ħlewwa għan-nuqqas ta’ fidi tiegħu. Ġesù jaf id-dgħufija ta’ Pietru, kif jaf id-dgħufija tagħna.

It-tnejn jaslu fuq id-dgħajsa u l-baħar jikkalma biex tkompli tispikka l-qawwa ta’ Ġesù. U l-appostlu jagħrfuh, jadurawh, iqimuh u jagħrfuh ukoll bħala Iben Alla.

Dan l-episodju jirrifletti ħafna l-fidi tagħna wkoll. Meta kollox sew, ir-relazzjoni tagħna ma’ Alla tkun tajba, imma fid-diffikultajiet, il-fidi tibda tmajna. Ġesù ried lill-appostli jissaħħew fil-fidi, għalhekk kien jippermetti dawn il-ġrajjiet. Irid il-fidi tagħna tissaħħaħ ukoll, għalhekk ikellimna permezz ta’ dawn l-episodji. Ġesù ma kkalmax il-baħar qabel ma’ Pietru beda miexi fuq il-baħar. Fil-ħajja se ngħaddu minn sitwazzjonijiet diffiċli u iebsa, meta l-fidi tagħna se tkun ppruvata. Ġesù mhux se jisparixxielna dawn is-sitwazzjonijiet, imma jassigurana li qiegħed magħna. Kif Pietru beda jegħreq, Ġesù malajr ħareġ idejh biex isalvah. Magħna jagħmel eżatt l-istess. Bħal Pietru, irid ikollna l-kuraġġ. Xi kultant dak li jitlob minna Ġesù  mhux faċli. Ikun jitlob li noħorġu mid-dgħajsa. Vera li fid-dgħajsa aħna m’aħniex sew, għax hemm il-maltemp, imma jista’ jkun li drajnieh. Irid ikollna l-kuraġġ u mmeddu saqajna fil-baħar imqalleb għax nafdaw fil-preżenza ta’ Ġesù u fl-għajnuna tiegħu. Bħal Pietru jista’ jkun li mbagħad nidubitaw ħadniex deċiżjoni tajba, u nibdew negħrqu. Meta jiġri dan, irridu nduru lejn Ġesù u nitolbuh isalvana.

Niftakru li bħala ġenituri nservu ta’ mudel u xhieda, primarjament għat-tfal tagħna. Jekk aħna nafdaw f’Alla, lit-tfal, mingħajr ma nafu, inkunu qegħdin nderruhom jafdaw fih ukoll.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 14, 22-33)

Wara lin-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.

Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.

Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir midħla tiegħu 
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Isma Walk on water
  4. Kemm tafu lil Ġesù? Kemm iddur lejh fil-bżonnijiet tiegħek?
  5. Tafdah lil Ġesù? Bħalissa hemm xi ħaġa li qiegħda ttaqlek? Agħtiha lil Ġesù. (Jekk dan mhux qed jagħmel sens, tixtieq li tafda f’Ġesù imma ma tafx kif, ersaq għand min jista’ jgħinek. Kellem xi qassis jew persuna li inti taf li qiegħda tgħix ħajja tajba, biex tiggwidak hi. L-ewwel pass se jkun diffiċli. Minkejja dan, it-talb jgħinek u jagħtik il-kuraġġ li għandek bżonn).
  6. Flimkien bħala familja, sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn se tiltaqgħu ppreparaw:
    a. Bibbja bil-qari minn San Mattew (14, 22-33)
    b. Xemgħa mixgħula
    ċ. Il-mejda jew post fejn hemm il-Bibbja u xemgħa, miksija bi drapp aħdar
    d. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti tal-Prayer Spaces għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum minbarra li se nisimgħu dwar miraklu ieħor, Ġesù se jkellimna dwar il-fidi fih. Li jkollna l-fidi f’Ġesù jfisser li aħna nafdawh. L-ewwel ħa nisimgħu l-evanġelju, imbagħad nitkellmu aktar dwar il-fidi.

  • Li Ġesù dejjem qiegħed magħna
  • Ġesù ma jridx li jiġrilna xi ħaġa ħażina
  • Li nistgħu nafdaw lil Ġesù
  • Maktur kbir, mhux trasparenti

Nistaqsu:

  • X’inhi l-aktar ħaġa li tiftakar mill-evanġelju tal-lum?
  • Għalfejn taħsbu li Pietru rnexxielu jimxi fuq l-baħar (għax Pietru kien jafda f’Ġesù u Ġesù għamel miraklu)

Ħa naraw x’jiġifieri li tafda.

Bil-maktur ngħattu għajnejn it-tifel jew tifla. Qabel imma npoġġu siġġijiet fin-nofs u anke xi ostakli oħra. Inħallu lit-tfal jarawhom qabel ma ngħattulhom għajnejhom. Jekk hemm xi ħadd mill-aħwa ikbar li jħobb jinkihom, nistgħu nagħmlu din l-attività darbtejn. L-ewwel ma’ ħuhom/oħthom, imbagħad ma’ ġenitur. Qabel ma jibdew jimxu, mingħajr strobju, inneħħu l-ostakli min-nofs, inħallu biss siġġu n-naħa l-oħra tal-kamra.

Ngħidulhom li se noħduhom in-naħa l-oħra tal-kamra u jpoġġu bil-qegħda.

Nistgħu jew inżommulhom idejhom jew nagħtu l-istruzzjonijiet biss ta’ dak li jridu jagħmlu (pereżempju imxi l-quddiem, imxi lejn ix-xellug, dur wiċċek in-naħa l-oħra, oqgħod bilqegħda, eċċ). Waqt dan l-eżerċizzju ma jistgħux imissu xejn b’idejhom. Wara li joqgħodu bilqegħda, jneħħu l-maktur minn quddiem għajnejhom.

Nistaqsuhom kif ħassewhom. Jekk għamluha darbtejn, nistaqsu x’differenza ħassew.

Nippruvaw li joħroġ dan il-messaġġ: meta għamluha ma’ ħuthom li jinku, beżgħu li se jdaħħluhom f’xi siġġu, imma meta għamluha mal-mama/papa ħassewhom aktar komdi għax jafu li l-ġenituri mhux se jdaħħluhom fl-ebda siġġu.

Nistgħu nagħtu aktar eżempji mill-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Jekk qegħdin naqsmu t-triq u l-mama/papa qegħdin hemm u jgħidulna naqsmu, aħna naqsmu għax nafdawhom. Jekk qegħdin il-baħar u l-mama/papa jgħajtulna biex immorru nixtru ġelat, immorru niġru għax nafdawhom. Imma jekk tgħajjatli xi mara li ma nafhiex u tgħidli biex imur magħha ħalli tixtrili ġelat ma mmurx għax ma nafdahhiex. Jekk jien għandi sigriet lil min immur ngħidu? (inħallu lit-tfal jwieġbu). Wara nistaqsu, “għalfejn ngħidu s-sigriet tagħna lil din il-persuna u mhux lil ħaddieħor?” (inħallu li-tfal jagħtu r-raġunijiet tagħhom, biex wara nkunu nistgħu nuru aktar x’jiġifieri li tafda lil xi ħadd u mhux oħrajn).

Pietru l-istess. Pietru kien jafu sew lil Ġesù, kien jafdah, kellu l-fidi fih. Allura meta qallu biex imur ħdejh u jimxi fuq il-baħar, Pietru mar. Madanakollu, imbagħad, Pietru beda jara l-mewġ, u beda jibża u ħaseb li Ġesù mhux se jkun jista’ jħallih jimxi fuq il-baħar. Minħabba f’hekk, beda jiddubita minn Ġesù u beda jegħreq. Kif Pietru jitlob lil Ġesù jgħinnu, Ġesù mal-ewwel isalvah u jieħdu ħdejn sħabu fuq id-dgħajsa.

Minn din il-ġrajja nitgħallmu li:

  • Irridu nsiru nafu lil Ġesù, biex bħal Pietru nafdawh aħna wkoll
    • Kif nistgħu nsiru nafu lil Ġesù? (nisimgħu ġrajjiet mill-Bibbja, nisimgħu dwar Alla u Ġesù waqt il-quddiesa, waqt it-talb)
    • Jista’ jkun li bħal Pietru, ikun hemm xi drabi li ma nafdawx lil Ġesù. X’irridu nagħmlu? (nitolbu)
  • Kif Ġesù sema’ t-talba ta’ Pietru biex isalvah, jisma’ lilna wkoll.
  • Ġesù dejjem magħna, għalhekk meta nkunu qegħdin nibżgħu, pereżempju nqumu bil-lejl għax ikollna ħolma kerha, jew qegħdin fid-dlam, nistgħu ngħajtu lil Ġesù. Vera li aħna mhux se narawh, imma meta ngħidu isem Ġesù niftakru li qiegħed ħdejna biex jieħu ħsiebna.

Inroddu s-salib.

Ġesù aħna nħobbuk, irridu li nsiru nafuk aktar. Aħna nafu li inti tista’ kollox, li lilna tħobbna ħafna u trid li tgħina biex inkunu ferħanin. Ammen.

Nisimgħu, My God is so big, so strong and so mighty.

Fl-Evanġelju tal-lum, se niltaqgħu mal-appostli fuq id-dgħajsa. Kien bil-lejl u l-baħar ma kienx kalm. Ġesù ma kienx magħhom għax kien baqa’ waħda fuq l-art biex jitlob. 

  • Aktar ma nsiru nafu lil Ġesù, aktar se jkollna fidi fih
  • Ġesù qiegħed dejjem magħna u jgħinna meta aħna nitolbuh
  • Bibbja addattata skont l-età tat-tfal

Nistaqsu: 

  • Kif taħsbu li kien qiegħed iħosshom l-appostli fuq id-dgħajsa?
  • Għalfejn taħsbu li lil Ġesù ħasbuh fantażma?
  • Għalfejn taħsbu li Pietru ried imur ħdejn Ġesù?
  • Għall-ewwel Pietru beda miexi fuq il-baħar, iżda mbagħad beda jereq. Għalfejn?
  • Kieku inti kont Pietru, x’kont tagħmel?
  • Ġesù x’għamel meta Pietru staqsieh biex isalvah?
  • X’għamlu l-appostli meta Pietru u Ġesù telgħu fuq id-dgħajsa?

Pietru seta’ jimxi fuq il-baħar għax kellu fidi f’Ġesù. Li jkollok il-fidi tfisser li inti tafda. Mhux dejjem faċli li tafda lil xi ħadd. B’dan li se nagħmlu issa se nitgħallmu xi tfisser li tafda.

Agħżel xi ħadd mill-aħwa. Dan jiġi quddiem wieħed mill-ġenituri, iżda ma jħarisx lejh (jiġifieri jkun qiegħed jagħti dahru). Ngħidulu biex joqgħod dritt kemm jista’ jkun. L-adult joqogħod warajh. Ngħidulu biex jibda jintefa’ lura, li aħna se nilqgħuh.

X’ġara?

Kien lest li jagħmilha? Għalfejn?

Meta jien nafda lil xi ħadd, jekk jgħidli li se jilqani, jien mhux se jkolli dubju minn dan, għax naf li mhux se jħallini naqa’. Biex nafda lil xi ħadd irrid inkun nafu sew. Kieku ltqajt ma xi ħadd, għadni ma nafux, u jgħidli nagħmel dan l-eżerċizzju, ma nagħmlux għax ma nafx hux se jilqani jew iħallini naqa’ u nweġġa.

Din hi l-istedina li qiegħed jagħmlilna Ġesù illum. Hu jixtieq li aħna nsiru nafuh aktar. Meta nsiru nafuh, nindunaw li hu dejjem jgħidilna l-verità, li hu dejjem iżomm kelmtu, li hu jieħu ħsiebna dejjem.

Ġesù ma jwegħdnix li mhux se jkun hemm drabi meta nibżgħu jew drabi meta niltaqgħu ma’ problemi, drabi meta jkun hemm sitwazzjonijiet diffiċli. Fil-fatt, indunajtu li meta Ġesù qal lil Pietru biex imur ħdejh, il-baħar kien għadu mqalleb? Li jwegħdna Ġesù hu li jekk bħal Pietru, aħna nitolbuh isalvana, u nemmnu li dan hu jista’ jagħmlu, Ġesù se jgħinna f’dak li għandna bżonn. Mela Ġesù mhux se jisparrixxi s-sitwazzjonijiet diffiċli u koroh minn ħajjitna iżda jgħinna biex ngħelbuhom. Nindunaw li l-baħar ikkalma meta Ġesù u Pietru waslu fuq id-dgħajsa u mhux qabel.

X’taħsbu li tfisser li nafda lil Ġesù? Li nafda lil Ġesù tfisser li nersaq lejh, insir nafu aktar. Pietru ma baqax fid-dgħajsa iżda għalkemm ma kinitx ħaġa faċli għalih, resaq lejn Ġesù biex ikun qrib tiegħu. Aħna rridu nagħmlu l-istess. Biex nersqu qrib ta’ Ġesù, jeħtieġ li mmorru l-knisja, naqraw il-Bibbja, nitolbu u anke noqgħodu fil-kwiet miegħu. Mhux dejjem se jkollna aptit. Pietru wkoll forsi pprefera li jibqa’ fid-dgħajsa fejn kien aktar komdu, iżda għażel li jersaq lejn Ġesù. Dan jurina li għalkemm hija għażla tajba ħafna li nixtiequ nersqu lejn Ġesù u nsiru nafuh aktar, mhux dejjem se nsibuha faċli. Se jkun hemm ukoll drabi meta se niżbaljaw. Meta Pietru ma baqax iħares lejn Ġesù u ħares lejn il-baħar, u ra dak il-mewġ qawwi u meta ra li hu kien miexi fuq il-baħar, beża, beda jiddubita li jista’ jagħmel dan kollu, nesa li quddiemu kien hemm Ġesù, nesa li hu kien għażel li jagħmel xi ħaġa tajba u huwa w jersaq lejn Ġesù, beda jegħreq. Aħna wkoll, ħafna drabi nkunu nixtiequ li nagħmlu għażliet tajba imma nagħmlu l-oppost. L-importanti huwa li bħal Pietru nindunaw, u nafdaw f’Ġesù. Kif ħassu qiegħed jegħreq, Pietru mal-ewwel għajjat biex Ġesù jsalvah, u hekk għandna nagħmlu aħna. Meta nindunaw li għamilna xi ħaġa li Ġesù ma jixtieqx, għandna nerġgħu nduru lejh u żgur li nsibuh jistenniena. 

Aħna lil min nafdaw? (lil min iħobbna u jieħu ħsiebna)

Għalhekk għandna nafdaw lil Ġesù, għax nafu li jħobbna u jgħina.

Fil-Bibbja nsibu ġrajjiet ta’ ħafna nies li kellhom fidi f’Alla u f’Ġesù. Matul din il-ġimgħa, flimkien mal-familja kuljum nagħżlu wieħed minn dawn il-karattri u jekk nafu l-istorja ngħiduha, jekk le nfittxuha fil-Bibbja u naqrawha. Wara nitkellmu dwar din il-persuna u kif nistgħu nagħmlu bħala. Dawn li ġejjin huma ftit minn dawn in-nies ta’ fidi kbira.

  • Noè 
  • Abraham u Iżakk
  • Danjel mal-iljuni
  • Sidrak, Mesak u Għabednegu, fil-forn tan-nar
  • Mosè u l-ħarba mill-Eġittu
  • David u l-ġgant Gulija
  • It-tħabbira tal-anġlu Gabrijel lil Marija
  • Il-mara li kienet ilha marida bit-tnixxija tad-demm 12-il sena
  • Iċ-ċenturjun u l-fejqan tal-qaddej tiegħu.

Inroddu s-salib.

Nisimgħu No matter what I’m facing.

Flimkien nitolbu b’Salm 91

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, 
li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, 
Alla tiegħi, jien fik nittama.”
Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt.
Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, 
għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.
Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar,
minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. 
Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu.

Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena.
Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek.

Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek.
Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha.
Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek.
Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu.
Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; 
miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu;
u b’għomor twil nimlieh, 
nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Ir-rakkont tal-Evanġelju tal-jum, jibda' billi jgħid li Ġesu' jordna lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu fuq mezz biex ikunu jistgħu jaslu xi mkien ieħor? X'kien dan il-mezz li użaw id-dixxipli tal-Mulej?

Correct! Wrong!

Hekk kif kienu f’nofs ta’ baħar, id-dixxipli imtlew bil-biża għaliex kienet qiegħda tinbidel il-klima u ġara xi ħaġa. X’qam dak il-ħin li huma kienu f’nofs ta’ baħar?

Correct! Wrong!

Hekk kif id-dixxipli raw lill-Mulej ġej lejhom u miexi fuq il-baħar, id-dixxipli ma għarfuhx mill-ewwel. Min ħasbu li kien dak li kien miexi lejhom fuq il-baħar?

Correct! Wrong!

Pietru, hekk kif il-Mulej wera lilu nnifsu lid-dixxipli, xtaq jersaq lejn Ġesù u jimxi lejh. Huwa beda miexi fuq il-baħar, iżda ħabat se jegħreq u talab lill-Mulej biex isalvah. X’qal Ġesù lil Pietru f’dan il-mument?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.