Hekk kif bdiet is-sħana tas-sajf u l-vaganzi tal-iskola, Ġesù jfakkarna li rridu nistrieħu. X’aktarx kif nisimgħu lil Ġesù jgħid lill-appostli, “Ejjew strieħu ftit,” f’qalbna ngħidu “mhux li kien!” Il-bżonn tal-mistrieħ insibuh sa mill-bidu nett tal-Bibbja. Fil-ktieb tal-Ġenesi naqraw kif wara li Alla ħalaq id-dinja u dak kollu li fiha, hu “waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.” (Ġen 2,2). Ftit tal-ġimgħat ilu, smajna kif Ġesù ħalla lin-nies u mar flimkien mad-dixxipli fuq id-dgħajsa u qasmu għan-naħa l-oħra. Ġesù ħass il-bżonn li jistrieħ.
Ġesù ma jibgħatx lill-appostli, waħedhom biex jistrieħu, iżda jistedinhom biex imorru miegħu. Fl-Evanġelju skont San Mattew, l-istedina ta’ Ġesù, hi simili, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” (Mt 11, 28)
Dan l-Evanġelju jsegwi l-qari tal-ġimgħa l-oħra, fejn smajna kif Ġesù bagħat lid-dixxipli tnejn tnejn biex jgħallmu u jsejħu lin-nies għall-indiema. Fil-verità, bejn il-qari tal-ġimgħa l-oħra u tal-lum, hemm parti oħra, li tirrakonta l-qtil ta’ Ġwanni l-Battista. Nifhmu għalhekk, li l-għejja tal-appostli ma kinitx biss fiżika, iżda wkoll mentali u emozzjonali. Huma kienu għadhom kif intbagħtu jgħallmu u jagħmlu dak li għalih Ġwanni l-Battista, kien għadu kif ingħata l-mewt. Il-missjoni tagħhom kienet suċċess, imma l-ġrajja ta’ Ġwanni, żgur li effettwathom ukoll. U Ġesù jara fihom il-bżonn li jieqfu u jistrieħu.
Din hija sejħa għalina wkoll, li għandna ġranet mimlija daqs bajda u nixtiequ wkoll nieqfu biex nistrieħu. Ġesù jurina l-bżonn ta’ mistrieħ mill-impenji u wkoll il-bżonn ta’ mistrieħ fil-preżenza tiegħu. Li nistrieħ fil-preżenza ta’ Ġesù tfisser li tafda fih. Nerġgħu, għalhekk, illum ukoll, intennu l-importanza tal-fidi tagħna f’Ġesù.
Fil-qari ta’ ftit ġimgħat ilu, meta Ġesù raqad fid-dgħajsa minkejja l-maltempata, huwa wriena fil-bżonn li aħna nafdaw fih, u fhimna li l-appostli, għax kienu miegħu, ma kien ser jiġrilhom xejn. Meta jgħidilna “Ejjew għandi, intom li tinsabu mtaqqlin” qiegħed jisteddina biex nafdaw fih, u nemmnu li hu jista’ jgħinna f’din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Jekk ma nafux minn fejn ser nibdew, jekk fir-rutina ta’ kuljum, għad ma għandniex dan il-ħin, fejn nieqfu biex inkunu ma’ Ġesù, nistgħu nużaw wieħed mill-ħafna mezzi ta’ għajnuna li huma disponibbli fuq il-mezzi soċjali u siti tal-internet. Sib xi riflessjonijiet li jsiru ta’ kuljum minn xi parroċċa jew għaqda reliġjuża, u uża dawn bħala għajnuna biex tintroduċi fil-ġranet tiegħek, dan il-ħin tiegħek ta’ mistrieħ ma’ Ġesù.