Ragħaj li jħenn

16-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Hekk kif bdiet is-sħana tas-sajf u l-vaganzi tal-iskola, Ġesù jfakkarna li rridu nistrieħu. X’aktarx kif nisimgħu lil Ġesù jgħid lill-appostli, “Ejjew strieħu ftit,” f’qalbna ngħidu “mhux li kien!” Il-bżonn tal-mistrieħ insibuh sa mill-bidu nett tal-Bibbja. Fil-ktieb tal-Ġenesi naqraw kif wara li Alla ħalaq id-dinja u dak kollu li fiha, hu “waqaf fis-seba’ jum mix-xogħol tiegħu li kien għamel.” (Ġen 2,2). Ftit tal-ġimgħat ilu, smajna kif Ġesù ħalla lin-nies u mar flimkien mad-dixxipli fuq id-dgħajsa u qasmu għan-naħa l-oħra. Ġesù ħass il-bżonn li jistrieħ. 

Ġesù ma jibgħatx lill-appostli, waħedhom biex jistrieħu, iżda jistedinhom biex imorru miegħu. Fl-Evanġelju skont San Mattew, l-istedina ta’ Ġesù, hi simili, “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.” (Mt 11, 28)

Dan l-Evanġelju jsegwi l-qari tal-ġimgħa l-oħra, fejn smajna kif Ġesù bagħat lid-dixxipli tnejn tnejn biex jgħallmu u jsejħu lin-nies għall-indiema. Fil-verità, bejn il-qari tal-ġimgħa l-oħra u tal-lum, hemm parti oħra, li tirrakonta l-qtil ta’ Ġwanni l-Battista. Nifhmu għalhekk, li l-għejja tal-appostli ma kinitx biss fiżika, iżda wkoll mentali u emozzjonali. Huma kienu għadhom kif intbagħtu jgħallmu u jagħmlu dak li għalih Ġwanni l-Battista, kien għadu kif ingħata l-mewt. Il-missjoni tagħhom kienet suċċess, imma l-ġrajja ta’ Ġwanni, żgur li effettwathom ukoll. U Ġesù jara fihom il-bżonn li jieqfu u jistrieħu.

Din hija sejħa għalina wkoll, li għandna ġranet mimlija daqs bajda u nixtiequ wkoll nieqfu biex nistrieħu. Ġesù jurina l-bżonn ta’ mistrieħ mill-impenji u wkoll il-bżonn ta’ mistrieħ fil-preżenza tiegħu. Li nistrieħ fil-preżenza ta’ Ġesù tfisser li tafda fih. Nerġgħu, għalhekk, illum ukoll, intennu l-importanza tal-fidi tagħna f’Ġesù. 

Fil-qari ta’ ftit ġimgħat ilu, meta Ġesù raqad fid-dgħajsa minkejja l-maltempata, huwa wriena fil-bżonn li aħna nafdaw fih, u fhimna li l-appostli, għax kienu miegħu, ma kien ser jiġrilhom xejn. Meta jgħidilna “Ejjew għandi, intom li tinsabu mtaqqlin” qiegħed jisteddina biex nafdaw fih, u nemmnu li hu jista’ jgħinna f’din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. Jekk ma nafux minn fejn ser nibdew, jekk fir-rutina ta’ kuljum, għad ma għandniex dan il-ħin, fejn nieqfu biex inkunu ma’ Ġesù, nistgħu nużaw wieħed mill-ħafna mezzi ta’ għajnuna li huma disponibbli fuq il-mezzi soċjali u siti tal-internet. Sib xi riflessjonijiet li jsiru ta’ kuljum minn xi parroċċa jew għaqda reliġjuża, u uża dawn bħala għajnuna biex tintroduċi fil-ġranet tiegħek, dan il-ħin tiegħek ta’ mistrieħ ma’ Ġesù.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 6, 30-34)

F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.

Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Illum Ġesù qiegħed jgħidlek, “Ejja miegħi, strieħ ftit.” X’ser tkun it-tweġiba tiegħek għal din l-istedina? Din mhijiex stedina ta’ darba, imma Ġesù jagħmililna kuljum, jagħmililna b’mod speċjali meta nkunu għaddejjin minn tensjoni u diffikulatjiet. Lejn min jew lejn xiex soltu nduru f’dawn is-sitwazzjonijiet? Aktar ma tikber ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġesù, aktar ser insiru niddependu fuqu f’kull sitwazzjoni tal-ħajja.
  4. L-għaqda fil-familja tikber meta ninfetħu għal xuxlin. Biex tikber din it-tip ta’ relazzjoni, irid ikun hemm ħin flimkien. Ġesù qiegħed jistedinna biex nieqfu wkoll, bħala familja. Sib ħin biex mal-bqija tal-membri tal-familja, ta’ kull ġimgħa, tippjanaw dan il-waqfien mir-rutina mgħaġġla u tgħaddu ħin flimkien. Immarkawh fuq il-kalendarju, biex ikun appuntament li jinżamm. 
  5. Fl-Evanġelju tal-lum, jissemma r-ragħaj. Lilek Ġesù għażlet bħala ragħaj ta’ uliedek. Aħseb ftit kif qed taqdi dan id-dmir, kif bil-kliem u bl-għemil qed tinfluenza u tmexxi lit-tfal.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn  San Mark (6, 30-34)
    ii. Xemgħa;
    iii. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar;
    iv. Computer/laptop bil-qari u clips;
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  9. Mur fil-parti Itlob mid-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Illum ser nisimgħu kif Ġesù jinduna li l-appostli kienu għajjenin u jgħidilhom biex imorru jistrieħu. Ġesù kien għajjien ukoll, imma meta jara lin-nies jistennewh biex jgħallimhom, minflok ma jmur jistrieh, joqgħod jitkellem magħhom.

  • Ġesù jrid li jkollna ħin ta’ mistrieħ, u wkoll li ngħaddu ħin miegħu
  • Printout tal-attività tal-lum
  • Lapes
  • Kuluri

Intom qatt kontu għajjenin?
X’għamiltu li għajjiekom?
X’tagħmlu biex tistrieħu?

Il-ħbieb ta’ Ġesù kienu għajjenin għax kienu għadhom kif waslu lura minn ħafna rħula, fejn kienu marru jgħallmu u jfejqu lin-nies. Huma kienu ferħana għax in-nies vera ħadu gost jisimgħuhom, imma kienu għejjew ukoll. U meta rahhom, Ġesù nduna. 

Smajtuh l-Evanġelju? Xi ġralhom meta marru bid-dgħajsa, f’post fejn setgħu jistrieħu? (sabu li diġà kienu waslu n-nies qabilhom biex jisimgħu lil Ġesù jitkellem)

X’għamel Ġesù, qal lin-nies biex imorru lura d-dar, għax hu u l-ħbieb tiegħu kienu għajjenin? (le)

Tafu li Ġesù jixtieq li jgħaddi ħin magħna wkoll? Ġesù qatt ma jkun għajjien, dejjem lest biex jitkellem magħna. Ġesù dejjem ikollu aptit jitkellem magħna, qatt ma jkun bil-buri jew bin-nervi. Aħna ġieli jkollna xi ngħidu ma xi ħadd u ma nkunux irridu nitkellmu miegħu, imma Ġesù, nagħmlu x’nagħmlu, dejjem jibqa’ ħabib magħna u jkun jixtieq li aħna nitkellmu miegħu. Tafu li Ġesù lanqas ma jaqbdu n-nagħas u jorqod? Għalhekk, aħna nistgħu nitkellmu ma’ Ġesù meta rridu, ikun x’ħin ikun!

Ġesù jixtieq jitkellem magħkom. Intom titkellmu ma’ Ġesù?

Titkellmu miegħu kuljum?

X’ħin?

L-attività tal-lum ser tgħinna biex niftakru nitkellmu ma’ Ġesù tal-anqas ftit kuljum. Kemm ser jieħu gost bikom Ġesù! Kemm ser ikun ferħan, li intom ser tkellmuh kuljum!

Għandkom bżonn printout għal kuljum, tistgħu tibdew billi tippreparaw ta’ din il-ġimgħa. Agħtu l-kulur il-kliem “X’għamilt illum? Tkellimt ma’ Ġesù?” u ikteb il-ġurnata. Dawn il-karti ħallihom ħdejn is-sodda tiegħek, u ħalli lapes ukoll. Qabel ma’ torqod, hu l-karta ta’ dik il-ġurnata u mmarka dawk l-attivitajiet li għamilt. Jekk f’xi ġurnata tinduna li ma tkellimt xejn ma’ Ġesù, agħmel promise miegħek innifsek li l-għada ssib ħin mal-akbar ħabib tiegħek u titkellem ftit miegħu. Tista’ titkellem ma’ Ġesù, fejn trid u x’ħin trid, hekk kif ser nisimgħu f’din is-song, Whisper a prayer.

Inroddu s-salib

Grazzi Ġesù li aħna nistgħu nilgħabu, niltaqgħu mal-ħbieb, ngħinu fid-dar u nagħmlu tant affarijiet sbieħ. Għinna biex kuljum nieqfu minn dak li nkunu qegħdin nagħmlu u noqgħodu ftit miegħek ukoll. Grazzi Ġesù li inti dejjem tkun qiegħed tistenniena. Ammen.

Introduzzjoni

Tiftakru x’kien l-Evanġelju tal-ġimgħa l-oħra? Ġesù kien bagħat lill-ħbieb tiegħu biex jgħallmu, ifejqu lin-nies u jgħidulhom ukoll biex jiddispjaċihom li għamlu għażliet ħżiena u biex ma jibqgħux jagħmluhom. Illum ser nisimgħu x’ġara meta l-appostli reġgħu lura ħdejn Ġesù.

  • Importanti li nitgħallmu kif inqassmu l-ġurnata, kemm meta nkunu l-iskola, kif ukoll waqt il-vaganzi
  • Biex inkunu vera ħbieb ta’ Ġesù, għandna nsibu ħin kuljum biex noqgħodu nitkellmu miegħu
  • Vażett
  • Ramel
  • Ċagħaq żgħir
  • Ġebel ta’ daqs li jidħol fil-vażett
  • Ilma 
  • Karta
  • Lapes 

X’ġara meta l-appostli marru lura? X’riedhom jagħmlu Ġesù? (Ġesù nduna li kienu għajjenin u riedhom jistrieħu)
Fejn imorru biex jistrieħu? (marru ma’ Ġesù bid-dgħajsa, f’post imwarrab)
X’sabu meta waslu f’dan il-post? (li n-nies kienu ndunaw fejn sejrin u kienu marru hemm ukoll)
X’għamel Ġesù? (jitħassar lin-nies u jitkellem magħhom u jgħallimhom)

Kieku inti x’kont tagħmel, kieku ridt tistrieħ u xi ħadd iqabdek tagħmel xi ħaġa?

Għalkemm għajjien, u jixtieq jistrieħ, Ġesù ma jċanfarx lin-nies u jibgħathom ’l hemm. Ġesù jinduna li dawn in-nies kellhom bżonnu, riedu jisimgħuh, kellhom bżonn l-għajnuna tiegħu. Meta Ġesù ra dawn in-nies stħajjilhom nagħaġ bla ragħaj. 

Ġesù hu r-ragħaj tagħna. Ir-ragħaj jieħu ħsieb lin-nagħaġ tiegħu, jipproteġihom mill-periklu, jeħodhom f’postijiet fejn isibu x’jieklu u x’jixorbu, ifittixhom jekk jintilfu, jgħaddi ħajtu ma’ dawn in-nagħaġ. Fi żmien Ġesù, ir-ragħaj kien jgħaddi ġranet sħaħ man-nagħaġ, qabel ma jerġa jmur lura bihom fir-razzett, u ftit wara jerġa’ joħroġ magħhom; il-ħajja tar-ragħaj kienet iddur man-nagħaġ. Ġesù, hekk jara lilna. Hu jieħu ħsiebna u qiegħed hemm għalina, ikun x’ħin ikun. L-għażla f’idejna, jekk irridux inkunu parti mill-merħla ta’ Ġesù.

L-Evanġelju tal-lum iġgħelna naħsbu dwar kif inqassmu l-ħin tagħna. Ġesù jixtieq li fil-ġurnata nsibu ħin għal dak kollu li hu importanti, inkluż li nsibu ħin li nistrieħu u wkoll li nitolbu.

Qabel ma nagħmlu l-attività tal-lum, aħsbu ftit dwar dawk l-affarijiet li intom tħossu li bil-fors għandkom tagħmlu għax huma wisq importanti. Aħsbu wkoll dwar dawk l-affarijiet li tagħmlu, għalkemm huma anqas importanti. U wara aħsbu dwar dawk l-affarijiet li tieħdu gost tagħmlu, imma mhux bil-fors huma importanti. Jekk tridu tistgħu tiktbuhom fuq biċċa karta, fi tliet kolonni.

Issa aqbdu l-vażett u poġġu l-ġebel sa fuq nett. Mimli jew baqagħlu l-vojt? 

Ċaqalqu l-vażett biex il-ġebel isibu posthom u poġġu ċ-ċagħaq, erġgħu ċaqilqu l-vażett, biex iċ-ċagħaq jidħlu wkoll.
Issa baqa’ vojt fil-vażett?
Ir-ramel ma tantx jieħu spazju, mela poġġu lilu wkoll.
Issa l-vażett mimli sew.

Mela l-ġebel qishom dawk l-affarijiet li niżżiltu fl-ewwel kolonna – l-affarijiet li huma importanti ħafna u ma tistgħux ma tagħmluhomx. Iċ-ċagħaq, huma dawk l-affarijiet li huma anqas importanti. Ir-ramel huma dawk l-affarijiet li għalkemm ma humiex importanti, tieħdu gost tagħmluhom.

Issa oħorġu kollox mill-vażett u minflok il-ġebel poġġu l-ewwel ir-ramel, wara ċ-ċagħaq u fl-aħħar il-ġebel. X’ġara? Irnexxielkom tpoġġu lura fil-vażett dak kollu li kellkom qabel?

Ma rnexxielkomx għax ir-ramel ħa ħafna mill-post. Għalhekk, jekk tqassmu l-ħin tagħkom b’dan il-mod, u l-ewwel tagħmlu dawk l-affarijiet li tieħdu gost tagħmlu imma fl-istess ħin ma humiex ta’ daqs tant importanti, ma jibqgħalkomx ħin biżżejjed għall-affarijiet l-oħra, lanqas għal dawk li huma vera importanti.

Issa erġgħu żvujtjaw il-vażett u mlewh kif għamiltu l-ewwel darba: ġebel, ċagħaq u ramel.

X’ħallejna barra? L-ilma.

Meta għamiltu l-listi tagħkom, Ġesù kien f’xi waħda mil-listi? Ġesù huwa bħal dan l-ilma. Poġġu l-ilma fil-vażett. L-ilma bħal jgħaqqad dak kollu li hemm fil-vażett. U hekk Ġesù jgħaqqad dak kollu li nagħmlu! Jekk tridu, dan il-vażett ħalluh ħdejn is-sodda, jew f’xi post fejn jidher, biex ifakkarkom li Ġesù huwa importanti ħafna fil-ħajja tagħna u kuljum għandna nsibu ħin biex noqgħodu miegħu

Inroddu s-salib

Għidu Salm 23 (ara hawn taħt) u wara, isimgħu, Jesus in my life.

1. Skont l-Evanġelju tal-lum, Ġesù sejjaħ lill-appostli u talabhom...

Correct! Wrong!

2. L-appostli u Ġesù għamlu xi ħaġa biex ikunu jistgħu igawdu ftit kwiet. X'għamlu?

Correct! Wrong!

3. X'għamlu n-nies meta ndunaw fejn kienu sejrin Ġesù' u l-appostli?

Correct! Wrong!

4. X'għamel Ġesù' quddiem il-kotra kbira ta' nies li marret tfittxu?

Correct! Wrong!

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.