Illum naqraw kif il-Fariżej niżlu minn Ġerusalemm biex imorru fejn kien Ġesù. Il-Fariżej u l-Iskribi ma kellhomx f’moħħhom li jmorru jisimgħu lil Ġesù biex jitgħallmu minnu, iżda aktar biex jiksbu xi provi li jkunu jistgħu jużaw kontrih. F’din il-ġrajja narawhom jaqbdu ma’ tradizzjoni li kellhom dwar il-ħasil tal-idejn. Dan ma kienx ħasil tal-idejn, kemm ikollhom
idejhom nodfa qabel jieklu, iżda kien ritwal sħiħ. L-oriġini ta’ dan ir-rit kien li l-idejn nodfa jirriflettu r-ringrazzjament tagħhom lil Alla għal ġid li tagħhom. Madanakollu, maż-żmien, dawn ir-ritwali bdew jiżdiedu u jidħlu f’ħafna dettall u rqaqat. Minħabba dawn l-esiġenzi, intilef l-iskop u s-sinifikat tal-ġest.
Il-Fariżej jakkużaw lil Ġesù li d-dixxipli li kienu miegħu kienu qegħdin jittraskuraw it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom. Ġesù ma jaqax f’din in-nassa. Minflok, huwa jaqleb l-argument fuqhom, tant li jgħajjarhom ipokriti, “nies ta’ wiċċ b’ieħor.” Ġesù jċanfarhom għaliex għall-Fariżej, dawn ir-ritwali u tradizzjonijiet kienu importanti ħafna imma tilfu t-tifsira vera tagħhom. Il-Fariżej kienu jsegwu dawn it-tradizzjonijiet għal wiċċ in-nies u biex juru li huma aqwa mill-bqija tal-poplu. Ma tantx kienu jagħmlu dan għall-imħabba ta’ Alla, daqs kemm għall-ftaħir u l-unur personali. F’qalbhom ma kienx hemm imħabba u ħniena għall-proxxmu. Għal Ġesù dak li hemm fil-qalb tal-bniedem hu ferm aktar importanti. Ir-relazzjoni tal-persuna ma’ Alla ma setgħetx titqies minn kemm wieħed josserva dawn it-tradizzjonijiet u jieqaf magħhom biss. L-istess jgħid lilna llum, meta nagħmlu affarijiet għal wiċċ in-nies u mhux minħabba t-twemmin u l-fidi tagħna. Għalhekk per eżempju, għandna nistaqsu lilna nfusna, għalfejn immorru l-quddies nhar ta’ Ħadd? Meta nagħti karità, nagħmel hekk fil-preżenza tal-oħrajn, biex jarawni, jew inkella b’mod anonimu? Nibgħat lit-tfal għal-laqgħat ta’ katekeżi biex ikunu bħall-oħrajn u jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Ġriżma, jew għax nemmen fl-importanza tal-formazzjoni Nisranija tat-tfal?
Ġesù jwissina. Il-bniedem jagħti minn dak li għandu. Jekk qalbu mimlija għira ma jistax iħobb u jgħin lill-oħrajn. Għalhekk Ġesù jelenka dawk il-karatteristiċi koroh li bniedem jista’ jkabbar f’qalbu: “żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha.” L-ebda rit ta’ ħasil tal-idejn ma jista’ jpatti u jnaddaf dawn il-kwalitajiet ħżiena fil-bniedem. Minflok, hija biss l-aċċettazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, u wieħed iħalli din il-Kelma tbiddlu u tnaddaflu lil qalbu.
Il-liġi ta’ Alla għandha tkun l-aktar importanti fil-ħajja tagħnan u għandha tkun hi li tmexxina. Biex nagħmlu dan irid ikollna kuxjenza ffurmata. Dan iwassal li ngħixu u nagħmlu għażliet mhux skont ma nħossu u naħsbu aħna, iżda skont ir-rieda ta’ Alla. Il-kuxjenza niffurmawha meta naqraw il-Kelma ta’ Alla, mit-tagħlim li nirċievu mill-Knisja, mill-omeliji, mid-diskussjonijiet ma’ direttur spirtwali, mix-xhieda ta’ nsara oħra.
Dalwaqt.