Illum naqraw kif il-Fariżej niżlu minn Ġerusalemm biex imorru fejn kien Ġesù. Il-Fariżej u l-Iskribi ma kellhomx f’moħħhom li jmorru jisimgħu lil Ġesù biex jitgħallmu minnu, iżda aktar biex jiksbu xi provi li jkunu jistgħu jużaw kontrih. F’din il-ġrajja narawhom jaqbdu ma’ tradizzjoni li kellhom dwar il-ħasil tal-idejn. Dan ma kienx ħasil tal-idejn, kemm ikollhom
idejhom nodfa qabel jieklu, iżda kien ritwal sħiħ. L-oriġini ta’ dan ir-rit kien li l-idejn nodfa jirriflettu r-ringrazzjament tagħhom lil Alla għal ġid li tagħhom. Madanakollu, maż-żmien, dawn ir-ritwali bdew jiżdiedu u jidħlu f’ħafna dettall u rqaqat. Minħabba dawn l-esiġenzi, intilef l-iskop u s-sinifikat tal-ġest.
Il-Fariżej jakkużaw lil Ġesù li d-dixxipli li kienu miegħu kienu qegħdin jittraskuraw it-tradizzjonijiet reliġjużi tagħhom. Ġesù ma jaqax f’din in-nassa. Minflok, huwa jaqleb l-argument fuqhom, tant li jgħajjarhom ipokriti, “nies ta’ wiċċ b’ieħor.” Ġesù jċanfarhom għaliex għall-Fariżej, dawn ir-ritwali u tradizzjonijiet kienu importanti ħafna imma tilfu t-tifsira vera tagħhom. Il-Fariżej kienu jsegwu dawn it-tradizzjonijiet għal wiċċ in-nies u biex juru li huma aqwa mill-bqija tal-poplu. Ma tantx kienu jagħmlu dan għall-imħabba ta’ Alla, daqs kemm għall-ftaħir u l-unur personali. F’qalbhom ma kienx hemm imħabba u ħniena għall-proxxmu. Għal Ġesù dak li hemm fil-qalb tal-bniedem hu ferm aktar importanti. Ir-relazzjoni tal-persuna ma’ Alla ma setgħetx titqies minn kemm wieħed josserva dawn it-tradizzjonijiet u jieqaf magħhom biss. L-istess jgħid lilna llum, meta nagħmlu affarijiet għal wiċċ in-nies u mhux minħabba t-twemmin u l-fidi tagħna. Għalhekk per eżempju, għandna nistaqsu lilna nfusna, għalfejn immorru l-quddies nhar ta’ Ħadd? Meta nagħti karità, nagħmel hekk fil-preżenza tal-oħrajn, biex jarawni, jew inkella b’mod anonimu? Nibgħat lit-tfal għal-laqgħat ta’ katekeżi biex ikunu bħall-oħrajn u jagħmlu l-Ewwel Tqarbina u l-Ġriżma, jew għax nemmen fl-importanza tal-formazzjoni Nisranija tat-tfal?
Ġesù jwissina. Il-bniedem jagħti minn dak li għandu. Jekk qalbu mimlija għira ma jistax iħobb u jgħin lill-oħrajn. Għalhekk Ġesù jelenka dawk il-karatteristiċi koroh li bniedem jista’ jkabbar f’qalbu: “żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha.” L-ebda rit ta’ ħasil tal-idejn ma jista’ jpatti u jnaddaf dawn il-kwalitajiet ħżiena fil-bniedem. Minflok, hija biss l-aċċettazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, u wieħed iħalli din il-Kelma tbiddlu u tnaddaflu lil qalbu.
Il-liġi ta’ Alla għandha tkun l-aktar importanti fil-ħajja tagħnan u għandha tkun hi li tmexxina. Biex nagħmlu dan irid ikollna kuxjenza ffurmata. Dan iwassal li ngħixu u nagħmlu għażliet mhux skont ma nħossu u naħsbu aħna, iżda skont ir-rieda ta’ Alla. Il-kuxjenza niffurmawha meta naqraw il-Kelma ta’ Alla, mit-tagħlim li nirċievu mill-Knisja, mill-omeliji, mid-diskussjonijiet ma’ direttur spirtwali, mix-xhieda ta’ nsara oħra.
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 7:1-8,14-15,21-23)
F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”
Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu
Istruzzjonijiet u għan
Illum ser niltaqgħu ma’ nies imsejħa Fariżej. Il-Fariżej kienu jistudjaw il-liġi ta’ Alla, imma mhux dejjem kienu jgħixu kif jixtieq Alla! Dawn il-Fariżej jindunaw li l-ħbieb ta’ Ġesù ma kienux qegħdin jobdu d-drawwijiet tagħhom u jistaqsu lil Ġesù għalfejn qiegħed iħallihom jagħmlu hekk.
Illum qabel ma nibdew, ser tirċievu rigal! (il-ġenituri juru l-kaxex)
F’idejkom, biex tagħżlu liema tridu intom.
Għalfejn għażilt dik il-kaxxa u mhux l-oħra?
X’taħseb li fiha l-kaxxa?
It-tfal jistgħu jiftħu l-kaxxa.
X’sibt?
Għoġbok dak li sibt?
Għalfejn?
Aħna nistennew li xi ħaġa li minn barra tidher kerha, ma tkunx tajba. Xi drabi anke meta fit-triq naraw lil xi ħadd li ma tantx hu nadif jew bil-ħwejjeġ imqattgħin, naħsbu li dik il-persuna mhijiex persuna tajba. Meta naraw lil xi ħadd liebes sabiħ u b’riħa tfuħ, naħsbu li dik il-persuna hija tajba. Ġesù, illum qiegħed jgħidilna biex noqgħodu attenti. Mhux bilfors li dik il-persuna li hi fqira u maħmuġa hija persuna ħażina. Lanqas il-persuna li tkun liebsa sabiħ ma hi bilfors persuna tajba. Meta rajna l-kaxxa s-sabiħa stennejna li nsibu xi ħaġa sabiħa ġo fiha u ma stennejniex li nsibu l-ħelu/ċikkulata/toy fil-kaxxa l-kerha. Ġesù jgħidilna li Alla ma jagħtix ħafna kas ta’ kif nidhru minn barra. Huwa jara iktar dak li hemm ġewwa fina. Alla jrid li aħna nkunu tfal li nħobbu lill-oħrajn, li ngħinu, li naqsmu dak li għandna, li nitolbu, li nieħdu gost imorru nitkellmu miegħu l-knisja, li ngħidu l-verità. Ma jridx li nkunu tfal li nirrabjaw, niġġieldu, nigdbu, ma noqogħdux bravi fil-knisja.
Ġesù, ma rrabjax mal-Fariżej għax kienu jaħslu jdejhom qabel ma jieklu! Ġesù rrabja għax huma kienu jaħsbu li meta jobdu r-regoli jkunu qegħdin jogħġbu lil Alla. Ġesù kien jaf li għalkemm kienu jobdu ħafna regoli, f’qalbhom ma kellhomx kwalitajiet sbieħ. Huma ma kienux jagħtu kas tan-nies u jgħinuhom, kienu jaħsbu li huma nies speċjali u li huma aħjar mill-oħrajn.
Kif se jkollna qalbna sabiħa u nadifa?
Aktar ma nsiru ħbieb ta’ Ġesù u nagħmlu bħal Ġesù, aktar qalbna ssir sabiħa u nadifa. Għalhekk irridu nisimgħu l-istejjer mill-Bibbja, nitgħallmu dwar Ġesù, nitkellmu miegħu u nitolbu.
Illum għandkom ritratt tagħkom, kartonċina u qalb. (nota lill-ġenituri: l-qalb ipprintjawha daqs li hi u r-ritratt joqgħodu fuq il-kartonċina A4. Aqtgħu max-xifer tal-qalb.) L-ewwel għaddu minn fuq il-kliem li hemm fil-qalb, bil-lapes jew bil-kuluri. Waħħlu r-ritratt tagħkom u l-qalb fuq il-kartonċina. Jekk tixtiequ tistgħu tpinġu mad-dawra tar-ritratt u madwar il-qalb. Din waħħluha mal-fridge jew freezer, biex tfakkarkom li intom tridu tkunu tfal bravi, kif jixtieqkom Ġesù.
Inroddu s-Salib
Għażiż Ġesù, inti turina kif għandna nħobbu lilek u lil xulxin. Għinna biex nagħmlu dak li tixtieq inti u biex ikollna qalbna mimlija b’dak li hu tajjeb u sabiħ. Ammen.
Bħala parti mit-talba, isimgħu, Jesus look inside my heart.
Introduzzjoni
Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu kif il-Fariżej u l-Iskribi ċanfru lid-dixxipli minħabba li kisru xi tradizzjonijiet reliġjużi. Il-Fariżej kienu mexxejja. Kienu jistudjaw il-liġi ta’ Alla u kienu jafuha sew. Kienu jilbsu differenti mill-bqija tan-nies biex jingħarfu. Ġesù ma kienx jaqbel magħhom għax moħħhom kien aktar li josservaw u jobdu dawn it-tradizzjonijiet milli l-liġi ta’ Alla, li kienu jafu bl-amment.
Ġenituri: uru lit-tfal il-flixkun tal-ilma vojt u staqsu:
Dan x’inhu? (flixkun vojt)
X’fih? (xejn / arja)
X’jiġri jekk nagħmlu rasu l-isfel fuq raskom? (xejn)
Jekk nagħfsu quddiem wiċċkom? (tħoss bħal riħ … l-arja ħierġa minnu)
(ġenituri: imlew il-flixkun bl-ilma)
Issa għadu mimli bl-arja? (le)
Jekk nagħmlu rasu l-isfel fuq raskom, x’jiġri? (nixxarbu!)
Illum Ġesù dak huwa li qiegħed jgħallimna! Li l-mod li wieħed jidher minn barra mhux daqstant importanti. Huwa ħafna aktar importanti dak li hemm ġewwa dak li jkun! Il-flixkun baqa’ jidher l-istess, kemm meta kellu l-arja fih u kemm meta kellu l-ilma. Madanakollu, meta taqilbu fuqek, bl-ewwel wieħed ma tixxarrabx u bit-tieni wieħed tixxarrab. L-istess jiġri lilna. Jekk persuna f’qalbha għandha l-imħabba, il-ħniena, il-paċenzja u kwalitajiet sbieħ oħra, meta tkun mal-oħrajn, dak huwa dak li hi tista’ twassal. Din il-persuna tkun tħobb lill-oħrajn, tgħinhom, taqsam magħhom dak li għandha. Iżda jekk f’qalba għandha r-rabja, il-mibgħeda, l-għira, meta tkun mal-oħrajn mhux ser turi imħabba u ħniena, mhux ser titkellem bil-ħlewwa, mhux ser tkun lesta li taqsam dak li għandha mal-oħrajn. Ġesù jgħidilna li ħafna aktar importanti dak li hemm f’qalbna, milli kif nidhru minn barra.
Il-Fariżej kienu jagħtu aktar importanza lil dak li jidher minn barraKienu jilbsu sabiħ u differenti mill-oħrajn, kienu jridu lin-nies jarawhom jobdu r-regoli reliġjużi kollha. Per eżempju, waħda mir-regoli kienet li nhar ta’ Sibt ma jaħdmux, allura anke jekk kienu jiltaqgħu ma’ xi ħadd li għandu bżonn l-għajnuna ma kienux jgħinuh, għax is-Sibt ma kienu jagħmlu xejn ħlief jitolbu. Ġesù għalhekk jirrabja magħhom! Dan l-iżball, nistgħu nagħmluh aħna wkoll. Ejjew nieħdu eżempju ta’ tifel fl-iskola. Dan it-tifel, li kien jismu John kien bravu, u kien jobdi lit-teachers, dejjem jagħmel il-homework u jistudja. Darba minnhom filgħaxija, ċempillu ħabib tiegħu Peter, li kellu l-mama’ tiegħu l-isptar. Peter, ma kienx laħaq jagħmel il-homework u talab lil John jgħinu biex l-għada jkun jista’ jagħti l-homework lit-teacher. Minkejja dan, John qallu li ma setax għax inkella t-teacher tinduna li għamel il-homework miegħu u tagħtih ‘copied’. Huwa veru li aħna mhux suppost li nikkuppjaw il-homework minn fuq xulxin, imma dan ma jfissirx li ma nistgħux ngħinu lill-oħrajn biex jifhmu l-homework u jkunu jistgħu jagħmluh! Għal John kien aktar importanti li jobdi r-regoli milli jgħin lill-ħabib tiegħu.
Aħna bħal min irridu nkunu? Bħal Ġesù li kellu qalbu mimlija bl-imħabba ta’ Alla, jew bħall- Fariżej li kellhom qalbhom mimlija bir-regoli u moħħhom kien f’dak li jaħsbu n-nies dwarhom?
Ġesù jaf li aħna mhux dejjem ikollna ħsibijiet sbieħ u li mhux dejjem jirnexxielna nagħmlu għażliet tajba, li f’qalbna mhux dejjem ikollna kwalitajiet sbieħ. Għalhekk tana s-sagrament tal-qrar, għalhekk tana ġenituri, għalliema u katekisti biex jgħallmuna, għalhekk jixtieq li naqraw il-ġrajjiet mill-Bibbja u mmorru l-quddies regolari. Dawn kollha jgħinuna biex ineħħu minn qalbna dak li hu ħażin u minflok nimlewha b’dak li hu tajjeb.
Ejjew naraw x’effett għandhom l-għażliet ħżiena tagħna. Għandkom l-isponża forma ta’ qalb. Kull darba li nagħmlu għażla ħażina din qed timmarka lil qalbna. Pereżempju għidt gidba (immarkaw il-qalb bil-marker), ma obdejtx lill-mama (erġaw immarkaw il-qalb). Għal kull eżempju mmarkaw il-qalb: iġġielidt ma’ ħija, għidt kelma pastaża, ħadt pakkett ħelu mingħajr ma staqsejt ….
Xi ġrala l-qalb? Għadha nadifa daqs kemm kienet fil-bidu?
Meta jiddispjaċina ta’ dak li nkunu għamilna ħażin, nitolbu skuża u mmorru nqerru.
Aqbdu l-qalb u daħħluha fil-frixkatur bl-ilma u sapun u nxarbuha sew u nagħsruha. Il-marker jitlaq meta jinħasel bl-ilma u s-sapun. Hekk ukoll qalbna titnaddaf meta nitolbu skuża u mmorru nqerru! Ġesù hekk jixtieq: li qalbna dejjem tkun nadifa u sabiħa.
Inroddu s-salib.
Grazzi Ġesù li wrejtna kemm hu sabiħ li jkollna qalbna sabiħa u nadifa u li dan huwa aktar importanti milli l-mod kif nidhru minn barra. Agħtina l-għajnuna tiegħek biex aħna nsiru aktar nixbu lilek u f’qalbna jkollna biss l-imħabba ta’ Alla.
Nagħlqu t-talba tagħna u nisimgħu, Looking at my heart.
Dalwaqt.
L-għan ta’ bekids.mt hu li joffri formazzjoni kateketika komprensiva għat-tfal u għall-adolexxenti li qegħdin jippreparaw biex jirċievu s-sagramenti.