Kun umli!

25-il Ħadd ta' Matul is-Sena

Il-qari tal-Evanġelju tal-lum, isegwi wara l-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni, hekk kif Ġesù u d-dixxipli sejrin lejn il-Galilija, territorju Lhudi fejn Ġesù diġà iffaċċja lill-Fariżej, li l-ħin kollu jisdifawh (ara Mark 7, 1-7).

F’dan il-qari, Ġesù jerġa’ jitkellem dwar il-passjoni, l-mewt u l-qawmien tiegħu. Il-fatt li qiegħed ibassar it-tbatija tiegħu, turi li Ġesù qiegħed jagħraf il-periklu li ser jiltaqgħu miegħu u qiegħed fl-istess ħin jippreparahom għalih. Madanakollu, skont San Mark, id-dixxipli ma fehmux lil Ġesù u beżgħu jistaqsuh. 

Meta waslu Kafarnahum, daħlu ġo dar. Ġesù staqsiehom x’kienu qegħdin jiddiskutu waqt li kienu mexjin. Id-dixxipli ma weġbuhx għax beżgħu. Ma tantx għandna ħjiel dwar xiex kienu qegħdin jargumentaw, forsi dwar il-familja, jew il-flus, jew kemm kellhom flus it-tfal; l-Evanġelju jgħid biss, “kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.” Ġesù, imbagħad sejjaħ lit-tnax li kien għażel u għallimhom xi ħaġa profonda. Hu qalilhom li min irid ikun l-ewwel fis-Saltna ta’ Alla, irid ikun qaddej tal-oħrajn. Jekk inti trid tkun kbir, trid tiċċekken, tkun il-qaddej tal-oħrajn; u mhux hekk biss, irid ikollok l-atteġġjament ta’ tifel (fil-kultura ta’ Ġesù, it-tfal u nisa, ma tantx kienu meqjusa).

Ġesù fil-fatt sejjaħ ħdejh tifel u qal li meta xi ħadd jaċċetta tifel f’isem Ġesù, ikun qiegħed jaċċetta lil Ġesù u lil dak li bagħtu. Ġesù jagħtina s-sempliċità u l-umiltà tat-tfal, bħala l-mudell għall-ħajja nisranija. Meta naqdu anke lill-iżgħar fostna, inkunu qegħdin naqdu lil Ġesù. Dan it-tagħlim huwa sorprendenti, huwa radikali, u wkoll jisfida l-kultura tal-lum, iżda fl-istess ħin jagħti nifs ġdid. Hemm il-ħelsin fl-umiltà, meta din tkun imsejsa fuq l-għarfien ta’ Alla u tagħna nfusna. Aħna nikbru fl-umiltà meta nagħrfu l-kobor ta’ Alla u ċ-ċokon tagħna. It-talba, ‘Alla huwa kbir,’ hija t-talba tal-umli. Qatt ħsibna dwar lil min Alla qiegħed isejħilna biex naqdu? Il-fidi tagħna għandha tagħmel differenza fil-mod kif inġibu ruħna mal-oħrajn. Fid-dawl tal-Evanġelju tal-lum, aħna msejħa biex nirriflettu fuq l-ambizzjonijiet tagħna, u naraw jekk il-qadi tal-oħrajn, huwiex f’din il-lista.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 9, 30-37)

F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli tiegħu għaddew minn nofs il-Galilija, u ma ried li ħadd ikun jaf, għax beda jgħallem lid-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Bin il-bniedem se jingħata f’idejn il-bnedmin u joqtluh; u meta jkun maqtul, wara tlitt ijiem iqum mill-mewt”. Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem, u beżgħu jistaqsuh.

Waslu Kafarnahum; u meta kienu d-dar staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma baqgħu siekta, għax fit-triq kienu qagħdu jitħaddtu bejniethom fuq min kien l-akbar.

Imbagħad qagħad bilqiegħda, sejjaħ it-Tnax, u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”.

U ressaq lejh tfajjel ċkejken, qiegħdu f’nofshom, ħaddnu bejn dirgħajh u qalilhom: “Kull min jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personalment. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Fil-qalba tal-Evanġelju tal-lum, hemm l-insistenza ta’ Ġesù, li dixxiplu jrid jaqdi lill-oħrajn. Bħala ġenituri, din nifhmuha mal-ewwel, minħabba li parti kbira minn ħajjitna hija ddedikata biex nieħdu ħsieb lit-tfal. Ġesù jgħallimna li meta naqdu lill-oħrajn, inkunu qed nuru mħabba u dan jitlob umiltà.
  4. Santa Tereża ta’ Lisieux għexet ħajja f’sempliċità kbira. Fit-“Triq iċ-Ċkejkna” tagħha turina li meta nħallu lil Alla jaħdem permezz tagħna fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum, dan huwa l-mod kif affarijiet kbar jistgħu joħorġu minn xogħol insinifikanti, bħall-tiknis u ħasil ta’ ħwejjeġ. Santa Tereża tgħidilna, “Ftakru li xejn ma hu ċkejken f’għajnejn Alla. Għamlu kollox b’imħabba.” (tistgħu taraw clip qasir dwar it-Triq iċ-Ċkejkna.
  5. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i. Bibbja bil-qari minn San Mark (9, 30-37)
    ii. Salib
    iii. Xemgħa
    iv. Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp aħdar
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  6. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  7. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊
  8. Mur fil-parti Itlob id-dar għall-mument ta’ talb flimkien bħala familja

Fl-Evanġelju tal-lum nisimgħu kemm huma importanti t-tfal għal Ġesù, u kif inhuma meqjusa daqs l-oħrajn fis-Saltna ta’ Alla. Għal Ġesù, it-tfal tad-dinja kollha huma importani, hu jħobbhom kollha.

  • It-tfal huma importanti
  • Ġesù qiegħed fina lkoll
  • Id-disinn ta’ ‘Ġesù jħobb lit-tfal iż-żgħar’
  • Platt tal-karti
  • Imqass u gloj
  • Kuluri

Ġesù juri lid-dixxipli, li t-tfal huma importanti. Hu jgħid li kulmin jilqa’ lit-tfal, ikun qiegħed jilqa’ lilu. X’taħsbu li qiegħed jgħid Ġesù? Hu kien qiegħed jgħallimhom li hu, Ġesù, jinsab f’kulħadd, hu kemm hu żgħir. Aħna lkoll maħluqa minn Alla u lkoll prezzjużi f’għajnejh. 

It-tagħlim ta’ Ġesù huwa differenti mill-mod kif jaħsbu ħafna nies illum. Għalhekk għandna nisimgħu sew dak li jrid jgħallimna Ġesù. Ġesù sejjaħ tfajjel ċkejken ħdejh u għannqu miegħu, u qal, “Kulmin jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”. Ħafna jaħsbu li l-adulti huma aktar importanti mit-tfal, iżda Ġesù jgħallimna li fis-Saltna ta’ Alla, it-tfal huma importanti daqs kulħadd. Ma taħsbux li din hija ħaġa tajba?

Anke l-iżgħar persuna hija importanti u speċjali, għax hi maħbuba minn Alla. It-tfal ta’ madwar id-dinja huma differenti, Alla jħobb kemm lil dawk li huma fqar, kif ukoll lil dawk li huma sinjuri. U dan nafuh, għax qalulna Ġesù!Biex tiftakru li Alla jħobb lit-tfal tad-dinja kollha, tistgħu tagħmlu l-attività tal-lum. Għamlu printout tal-attività, agħtuha l-kulur u aqtgħu il-biċċiet. Il-platt tal-karti penġuh blu. Waħħlu l-kontinenti fuq il-platt, u aqtgħu iż-żejjed biex il-platt jibqa’ tond. Wara waħħlu s-salib fuq in-naħa ta’ fuq tal-platt. Waħħlu t-tfal ukoll. Sakemm qegħdin tagħmlu dan, isimgħu, He’s Got the Whole World in His Hands.

Inroddu s-Salib

Se nitolbu għat-tfal tad-dinja kollha, speċjalment għal dawk li ma għandhomx biżżejjed ikel x’jieklu u ħwejjeġ x’jilbsu, għal dawk li huma fqar u li jgħixu fejn hemm il-periklu tal-gwerra.

Għażiż Ġesù, nitolbu għat-tfal tad-dinja kollha. Agħmel li jkunu rrispettati u maħbuba u li jkollhom ċans li jibnu futur fil-paċi u fl-għaqda. Grazzi li urejtna kif għandna ngħixu bħala dixxipli tiegħek. Ammen.

Introduzzjoni

Fl-Evanġelju tal-lum, id-dixxipli qegħdin jargumentaw dwar min hu l-akbar fosthom, min kien l-aqwa u l-aktar importanti. Huma kienu għajjurin għal xulxin. Minħabba f’dan, Ġesù jagħtihom tweġiba mhux mistennija. Jgħidilhom li min irid ikun l-ewwel fosthom, għandu jkun tal-aħħar u jaqdi lill-oħrajn. Ġesù jurihom li l-kobor ta’ persuna jitkejjel b’kemm għenet lill-oħrajn, speċjalment lil dawk l-aktar fil-bżonn.

  • Ġesù jurina li min irid ikun l-ewwel irid ikun tal-aħħar u jaqdi lill-oħrajn
  • Alla jqis il-kobor tal-persuna, b’kemm dik il-persuna taqdi lill-oħrajn
  • Printout tal-attività
  • Kuluri u lapes

X’taħsbu li jagħmel persuna popolari? Forsi għax tkun tajba fl-isport bħall-football jew basketball, jew xi kantant jew kantata famużi, jew attur jew attriċi, inkella xi ħadd famuż li jdoqq il-mużika. Hemm drabi meta aħna nqabblu lilna nfusna ma’ dawn in-nies famużi u nkunu nixtiequ li nkunu nixbħuhom, u ġieli niġġudikaw lill-oħrajn skont il-popolarità tagħhom. Mill-Evanġelju tal-lum, nitgħallmu li Ġesù ma jridx li nqabblu lilna nfusna ma’ oħrajn. Ġesù ma jagħtix kas kemm aħna popolari jew le. F’għajnejn Alla, ħaġa waħda hija importanti: kemm aħna ngħinu lill-oħrajn b’ġenerożità u mħabba.

Darba, Ġesù mar Kafarnahum mas-segwaċi tiegħu. Meta kienu d-dar, Ġesù staqsiehom: “X’kontu qegħdin titħaddtu bejnietkom fit-triq?” Iżda huma ma weġbux, għax kienu qegħdin jiddiskutu dwar min kien l-aqwa fosthom. Għalhekk, Ġesù qagħad bilqegħda u sejjaħ lit-Tnax u beda jgħallimhom, u qalilhom, “Jekk xi ħadd irid ikun l-ewwel wieħed, għandu joqgħod wara kulħadd u jkun qaddej ta’ kulħadd”. Imbagħad sejjaħ ħdejh tfajjel ċkejken, għannqu miegħu  u qal, “Kulmin jilqa’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili; u min jilqa’ lili, ikun jilqa’ mhux lili, imma lil dak li bagħatni”.

Ġesù juża l-eżempju ta’ qadi ma’ tfajjel żgħir, biex jurina li biex nimxu warajh, irridu ngħinu lill-oħrajn speċjalment lil dawk li huma l-anqas importanti fostna. Fi żmien Ġesù, it-tfal ma tantx kienu jingħataw importanza, xi drabi kienu jitqiesu bħal skjavi u ma kienux imorru l-iskola. Għalhekk li taqdi tfajjel tfisser li tpoġġi lilek innifsek l-aħħar u ma tkunx trid li tkun l-aqwa u l-aktar popolari. 

Dan kollu, xi jfisser għalina? Ġesù qiegħed jgħidilna li meta naqdu jew ngħinu lill-oħrajn inkunu qegħdin naqdu lil Alla. Bħala nsara (aħna li nimxu wara Ġesù) għandna mod differenti biex inkejlu min hu l-aqwa. Meta nagħtu minn dak li għandna biex naqdu lill-oħrajn, inkunu rbaħna xi ħaġa wkoll. Fl-Evanġelju, Ġesù jgħidilna li biex inkunu l-aqwa, rridu naħsbu fl-oħrajn qabel ma naħsbu fina nfusna. F’ħajtu Ġesù ħaseb fl-oħrajn meta fejjaq u għamel il-mirakli. Hu jrid li aħna nimxu fuq l-eżempju tiegħu u naqdu lill-oħrajn ukoll.Aħsbu fuq erba’ modi kif tistgħu timitaw lil Ġesù u taqdu lill-oħrajn, forsi lil xi ħadd mill-familja jew mill-ħbieb. Imbagħad għamlu printout tal-id u fuqha iktbu dawn l-ideat tagħkom u matul din il-ġimgħa ppruvaw li tagħmluhom. Tistgħu wkoll tagħtu l-kulur lill-id, waqt li tisimgħu, Shine and Serve.

Inroddu s-salib.

Ngħidu t-talba ta Sant’Injazju ta’ Loyola, it-talba għall-ġenerożità

Mulej, għallimni nkun ġeneruż: 
Naqdik kif jistħoqlok, 
Nagħti bla ma nqis kemm jiswieli, 
Nissielet bla ma nagħti kas tal-ġriehi, 
Nitħabat bla ma nfittex il-mistrieħ, 
Naħdem bla ma nistenna ebda ħlas 
Għajr li nkun naf li qed nagħmel ir-rieda tiegħek.
Ammen.

Aqra iktar dwar Sant’Injazju ta’ Loyola.

Dalwaqt.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.