Ħellow Tfal!
Nhar it-23 ta’ Settembru taħbat il-ġurnata internazzjonali għal-lingwa tas-sinjali fil-waqt li fis-26 ta’ Settmbru hija l-ġurnata Ewropeja tal-lingwi. Il-jumejn jiċċelebraw modi differenti ta’ kif nikkomunikaw, niddiskutu u nidjalogaw ma’ dawk ta’ madwarna, u għalhekk nikbru ukoll. Għalkemm b’lingwi differenti aħna xorta aħwa ta’ xulxin u għalhekk familja waħda.
Il-prayer space tal-lum jisimha Ilsien Komuni u għaliha għandna bżonn aċċess għall-internet, karta vojta u kuluri.
Ibda billi tikteb il-kelma “għaqda” fin-nofs. Imbgħad permezz tal-internet fittex l-kelma għaqda b’lingwi oħra – eżempju ‘union’ bl-Ingliż, ‘unità’ bit-Taljan u ‘einheit’ bil-Ġermaniż. Ikteb dal-kliem madwar l-kelma “għaqda” b’kuluri differenti u żejjen il-karta kemm tistà.
Kif tlesti, weħħel din il-karta x’imkien fejn tfakkrek li aħna lkoll aħwa ta’ xulxin u għalhekk għandna dejjem nkunu fl-għaqda ma’ xulxin.
Inġabar ftit u fis-skiet ta’ qalbek irringrazzja lil Alla għall-varjetà sabiħa li hawn madwarna – varjetà ta’ pajjiżi, kulturi u lingwi.
Saħħa tfal! Sakemm nerġgħu niltaqgħu.