Papa Ġwanni XXIII

11 ta' Ottubru

Hu kien figura ta’ missier għad-dinja kollha; raġel b’sens ta’ umoriżmu mill-aqwa, qalbu miftuħa, kollu mħabba u ħniena. Dan kien il-Papa Ġwanni XXIII, magħruf bħala ‘Il Papa Buono’ – Il-Papa t-tajjeb – u meqjus bħala “xbieha awtentika tar-Ragħaj it-Tajjeb.”

Angelo Giuseppe Roncalli twieled fil-25 ta’ Novembru, 1881 f’Sotto l-Monte, ħdejn Bergamo. Kien ġej minn familja numeruża ta’ bdiewa u fqira. Missieru, Battista kien bidwi u kien jaħdem għand sid tal-art għani ħafna.

Meta kellu 11-il sena, Angelo telaq mid-dar biex jistudja għas-saċerdozju fis-Seminarju ta’ Bergamo. Aktar tard għamel il-professjoni tiegħu bħala Franġiskan Sekulari. Il-ħajja tiegħu sa mill-ordinazzjoni saċerdotali (Awwissu 1904) sal-elezzjoni tiegħu bħala Papa (Ottubru 1958) kienet immarkata minn diversi rwoli li ntalab iwettaq li wettaqhom b’ubbidjenza sħiħa u bla ebda diskussjoni u b’qalb miftuħa għall-bnedmin kollha.

Waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija, huwa serva bħala surġent fil-Militar Taljan u aktar tard bħala Kappillan. Fl-1925 ġie kkonsagrat Isqof.  Bejn l-1931 u l-1944, inħatar Nunzju Appostoliku għall-Bulgarija, u aktar tard għat-Turkija, il-Greċja u Franza. Kien f’dan iż-żmien li kellu rwol ewlieni biex jgħin eluf ta’ Lhud, li kienu qed jiġu ppersegwitati minn Nażisti, jaħarbu mill-Ewropa. Fl-1953, inħatar Kardinal u ngħata d-djoċesi ta’ Venezja.

Ħames snin wara, fit-28 ta’ Ottubru 1958, ġie elett Papa u ħa l-isem ta’ Ġwanni, u sar il-Papa Ġwanni XXIII. Kien jonqsu xahar biss biex jagħlaq 77 sena. Il-Pontifikat tiegħu għamel marka fuq il-Knisja Kattolika li għadha tinħass sal-ġurnata tal-lum u għall-futur!

Hu ser jibqa’ mfakkar li:

  • kien l-ewwel Papa li ħareġ barra mill-Vatikan mill-1870,
  • beda djalogu ġdid mal-Protestanti, l-Insara Ortodossi, mal-Lhud u mal-Musulmani,
  • kiteb żewġ enċikli tiegħu (dokumenti uffiċjali ta’ tagħlim), Mater et Magistra (Omm u Għalliema) u Pacem in Terris (Il-Paċi fl-Art),
  • ir-rwol ewlieni tiegħu fil-Kriżi tal-Missili ta’ Kuba bejn Kennedy u Khrushchev, meta gwerra nukleari dehret imminenti sakemm messaġġ mill-Papa Ġwanni waqqaf il-konflitt, iż-żewġ poteri rtiraw mill-pożizzjoni politika tagħhom u l-gwerra ġiet evitata.

Il-Papa Ġwanni XXIII kompla jħalli marka sinifikanti fl-istorja tal-Knisja meta sejjaħ lill-Isqfijiet u lill-Kardinali kollha tal-Knisja f’Ruma biex jiltaqgħu għat-Tieni Konċilju Vatikan, li dam għaddej mill-1962 sal-1965. L-għan tal-Papa kien li jimmodernizza l-Knisja skont il-ħtiġijiet tas-soċjetà li kienu qed jinbidlu.

Il-Papa Ġwanni XXIII miet fit-3 ta’ Ġunju 1963. Il-kompliment u l-għeluq tat-Tieni Konċilju tal-Vatikan tħallew f’idejn il-Papa Pawlu VI, li kien il-Papa ta’ warajh.

Fittex okkażjonijiet fejn tista’ tgħid lit-tfal li Alla ħalaq lil kulħadd uniku, bil-għan li kull persuna tagħmel xi ħaġa speċjali għad-dinja tagħna u kulħadd għandu xi ħaġa x’joffri, għax f’kull bniedem hemm it-tajjeb tiegħu.

Issa li reġgħet bdiet l-iskola, tistgħu tinkoraġġixxu t-tfal biex jagħmlu ħbieb ma tfal li jkunu weħedhom, li jkunu ġodda fil-klassi jew li jkunu mwarrba mill-oħrajn.

Isma’ l-idejat tat-tfal dwar kif jistgħu jagħtu kontribut biex jagħmlu ħbieb ma’ tfal li jħossuhom imwarrbin.

Iddiskuti magħhom u isma’ jekk it-tfal qatt ħassewhom esklużi. Tinjorax u lanqas ma tissottovaluta s-sentimenti tagħhom. Is-sensazzjoni li jkunu esklużi ġġiegħel lit-tfal iħossuhom bla valur, qishom ‘telliefa’.   Fittex modi pożittivi biex tindirizza s-sitwazzjoni.

Li tgħallem lit-tfal dwar il-prudenza hija sfida, għaliex it-tfal jiddeċiedu malajr, u jibbażżaw l-għażliet tagħhom fuq dak li jħossu li hu tajjeb għalihom.  Mexxihom b’mod pożittiv biex jaħsbu sewwa dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tagħhom.

Ħin tat-talb mal-Familja:

  • Inpoġġu quddiem Alla xi problema li rridu nieħdu deċiżjoni dwarha.  Importanti li f’din it-talba nitgħallmu ‘niżnu u nistennew’ waqt li nitolbu lil Alla biex imexxina, biex nagħmlu l-għażliet li jurina Hu.
  • Itolbu bl-Interċessjoni ta’ San Ġwanni XXIII għal dawk li għadhom ma aċċettawx lil Ġesù bħala l-Messija, is-Salvatur tad-dinja.

Kif tuża dan l-ispazju

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż permezz tal-qaddisin tal-Knisja. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet li jistgħu jgħallmuk dwar x'inhi l-qdusija u li jħeġġuk tgħix ħajja dejjem aktar qaddisa.