Ħelow tfal!
Ġie li għaddejtu minn esperjenza meta kontu f’xi post mal-ġenituri tagħkom, jew ma xi ħadd li kien qed jieħu ħsiebkom, u ntlift għal xi ħin minn magħhom? Jew kontu x’imkien u smajtu lil xi ħadd jagħmel avviż li intilef xi tifel? Nista’ nimmaġina kif ħassejtukom, l-aktar jekk intliftu f’xi post li ma tafuhx! U żgur li nkwetaw iktar il-ġenituri tagħkom jew min kien qed jieħu ħsiebkom. Hekk ġralhom Marija u Ġużeppi meta ma sabux lil Ġesù. Inkwetaw u nflixlu. Imma meta sabuh, Ġesù uriehom li hekk kellu jsir għax hu ried jagħmel ir-rieda ta’ Alla, u huma aċċettaw.
Il-Prayer Space tal-lum jisimha: Misjuba u mitlufa. Għaliha għandna bżonn:
Ħares ftit lejn dan l-oġġett li kont tlilft għal ftit ħin. Dan l-oġġett importanti għalik? Stajt tgħaddi mingħajru jew le? Aħseb ftit kemm affarijiet nakkwistaw fil-ħajja, imma dawn kemm nużawhom? Imma vera ma ngħaddux mingħajrhom? Liema taħseb ma ngħaddux mingħajrhom? Is-saħħa, il-familja, li nkunu ħbieb ta’ Ġesù, il-ħbieb veru, l-imħabba, l-edukazzjoni, l-ikel, l-ilma u dak li jżommna ferħanin jew li jkollna ħafna ħwejjeġ, logħob, xi basket tal-iskola tad-ditta u ħafna ritratti ta’ xi okkażjoni? Bħalma Marija u Ġużeppi sabu dak li kien essenzjali għalihom, u ma setgħux jgħaddu mingħajru, hekk aħna għandna bżonn nagħrfu iktar x’inhuma l-affarijiet veru essenzjali.
Fuq il-mudell tal-forma ta’ splużjoni, ikteb x’kien dan l-oġġett li tlift u x’inhu jew x’ma kienx il-bżonn tiegħu.
Għid talba jew xewqa żgħira lil Alla biex tagħraf tibża’ għal dak li huwa verament bżonn fil-ħajja ta’ kuljum.