
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lill-Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem (Ġwanni 3:16).
Dan hu dak li verament niċċelebraw fil-Milied!
U dan il-kliem nisimgħuh fir-Raba’ Evanġelju skont San Ġwann l-Appostlu u l-Evanġelista, li skont it-tradizzjoni tal-Knisja spiss jissejjaħ “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù”.
Għalhekk, huwa tassew sinifikanti li l-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Ġwann jumejn biss wara l-Milied!
Ġwanni kien bin Salome u Żebedew, u s-sengħa tiegħu kienet dik ta’ sajjied. Ġwanni flimkien ma ħuh Ġakbu kienu dixxipli ta’ San Ġwann il-Battista meta Ġesù sejħilhom. Dawn iż-żewġ t’aħwa telqu kollox u marru wara Ġesù.
Flimkien ma’ Pietru u Ġakbu, Ġwanni kien xhud tal-qawmien ta’ bint Ġajru u kien preżenti wkoll fit-Trasfigurazzjoni ta’ ta’ Ġesù fuq it-Tabor. Flimkien ma’ Pietru jippreparaw l-ikla tal-Aħħar Ċena u aktar tard akkumpanja lil Ġesù waqt l-agunija fil-Ġnien tal-Ġetsemani.Hu kien l-uniku appostlu preżenti ħdejn is-Salib, fejn ħa r-responsabbiltà li jieħu ħsieb lill-Madonna. Flimkien ma’ Pietru mar jiġri lejn il-qabar vojt u ra l-ewwel sinjali tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet.
Ġwanni u Ġakbu kienu persuni kalmi u ġentili, imma kellhom it-tendenza li jirrabjaw u jitilfu l-paċenzja! Ġesù kien irrefera għalihom bħala ‘Ulied ir-Ragħad’; fil-fatt darba Ġesù kien widdeb lil Ġwanni u lil Ġakbu meta riedu li jinżel in-nar mis-sema fuq is-Samaritani.
Wara li l-Madonna ttieħdet fis-sema bir-ruħ u l-ġisem, Ġwanni vvjaġġa lejn l-Asja Minuri, biex ixandar l-Aħbar it-Tajba u għex l-aktar f’Efesu. Hemmhekk gie arrestat u meħud Ruma, fi żmien meta l-insara kienu qed jiġu ppersegwitati wara d-digriet tal-Imperatur Domizjanu.
Ġwanni kien ikkundannat għall-mewt: il-kundanna kienet li jintefa’ f’żejt jagħli. B’mod merakuluż ħareġ miż-żejt mingħajr ma ġralu ebda ħsara. Wara dan, ġie eżiljat lejn Patmos, gżira Griega.
Malli miet Domizjanu, huwa rritorna Efesu, fejn flimkien ma’ seba’ isqfijiet ħa f’idejh il-ħidma kontinwa ta’ evanġelizzazzjoni fl-Asja Minuri. Huwa maħsub li miet hemmhekk meta kellu ferm aktar minn disgħin sena.
Fl-arti, San Ġwann huwa rrapreżentat flimkien ma’ ajkla, għasfur li jtir fil-għoli ħafna, li jissimbolizza ‘l-għoli li laħaq fl-Evanġelju tiegħu.’
