Jekk qatt kont x’imkien u tliftu lit-tfal, dan il-mument żgur terġgħu tiftakruh kif tisimgħu l-Evanġelju tal-lum. Kif iddur u ma tarax lit-tfal, speċjalment jekk dawn huma żgħar, taqbdek ansjetà kbira u paniku sħiħ u ma tikkalmax sakemm issibhom. U meta ssibhom ir-reazzjoni tiegħek tant tkun waħda mħawwda, tħoss ferħ kbir li sibthom u li huma ma ġralhom xejn, tħoss rabja kemm għalik li ma ndunajtx li m’għadhomx miegħek, kif ukoll, rabja għalihom li telqu minn ħdejk u ma tkunx taf hux ser tgħannaqhom miegħek jew iċċanfarhom. Dawn x’aktarx huma l-emozzjonijiet li ħassew Marija u Ġużeppi kif indunaw li Ġesù ma kienx magħhom. Meta sabuh, Ġesù kien kalm u kważi kważi mistgħaġeb għalfejn huma kienu nkwetaw daqshekk. L-istess kif jiġri lilna jekk insibu lit-tfal mehdijin, iħarsu lejn xi ġugarelli li jixtiequ. Meta ssibhom iħarsu lejk, b’dik il-ħarsa li trid tgħid “Ħeqq ma tafx li jien qed nara dawn it-toys!” Qishom iridu jgħidu “Fejn aktar nista’ nkun, jekk mhux hawnhekk?” X’taqbad tagħmel?
Marija u Ġużeppi tilfu lil Ġesù, fittxewh u sabuh. Aħna lil Ġesù sibnieh? Ġesù huwa parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, jew infittxuh biss meta jkollna bżonnu? Ġesù lilna qatt ma jitlifna, huwa dejjem magħna. Huwa aħna li nitbiegħedu minnu. Fejn infittxuh lil Ġesù aħna? Fejn niltaqgħu miegħu? It-talb u l-qari tal-Bibbja, huma għajnuniet ewlenin minn fejn għandna nibdew.
F’dan l-Evanġelju minbarra li naraw li Marija u Ġużeppi kienu fidili u ubbidjenti għal-liġi ta’ Alla, Ġesù kien ubbidjenti wkoll lejn il-ġenituri tiegħu. Hu jmur lura magħhom Nazaret u jkompli “jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja.” Aħna nikbru fis-snin għax jgħaddi ż-żmien minn fuqna, iżda l-maturità fl-għerf u fil-grazzja tiġi minn Alla u mill-koperazzjoni tagħna miegħu. Tajjeb li bħala ġenituri, illum tieħdu l-okkazzjoni biex tirriflettu kemm qegħdin tgħinu lit-tfal biex jikbru fl-għerf u fil-kwalitajiet sbieħ li huma mżejna bihom. Ftakru li l-familja hija msejħa wkoll “Knisja Domestika”, jiġifieri l-famija hija l-post fejn wieħed jikber fil-fidi, fl-imħabba tiegħu lejn Alla u lejn il-proxxmu, fejn wieħed jitgħallem jagħmel għażliet tajba u għażliet li jgħinnuh jikber f’nisrani u ċittadin tajjeb.