Fis-salm responsorjali illum naqraw, “immorru ferħana f’dar il-Mulej”. Forsi hawn tajjeb nibdew billi nistaqsu, għandna bżonn ‘immorru’ fid-dar tal-Mulej? Jew diġà qegħdin fi triqitna? F’ċertu sens, ilkoll kemm aħna qegħdin fi “triqitna” diġà. Veru, hemm gradi differenti ta kemm wieħed ikun qarrab lejn Alla – iżda ħadd qatt ma jibda mill-bidu. Alla diġà stieden lilna lkoll, u lkoll naċċettawh u niċħduh bil-modi differenti tagħna, fi gradi differenti. Il-mistoqsija li rridu nistaqsu lilna nfusna llum hija: “fejn wasalt jien fi triqti lejn dar il-Mulej”? F’liema post qiegħed/a bħalissa? U kif qed inħares lejn il-futur – Ġesù jilgħab rwol ċentrali fih?
“Għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum”. Dan il-vers jimmarka ċ-ċelebrazzjoni tagħna u l-bidu tal-perjodu tal-Avvent! Ovvjament, is-salvazzjoni ma teżistix fil-qrib biss matul dan il-perjodu – Ġesù jinsab qrib tagħna dejjem – sempliċement li dan il-perjodu huwa gwida prattika biex ifakkarna fejn sejrin, min hu Ġesù, l-imħabba li hu għandu għalina, il-fraġilità tagħna, iċ-ċokon tagħna, u, mhux l-inqas, id-divinità potenzjali tagħna permezz tal-grazzja u permezz tal-wegħdiet li għamel magħna Ġesù! Dan il-perjodu tal-Avvent jiftaħna għal realtajiet li huma dejjiema iżda li l-ħajja kultant għandha d-drawwa t-tappan u tnessina. Huwa għalhekk li, fit-tieni qari, Pawlu jwissina biex inkunu mqajmin. Jekk xejn, allura, ejjew inħallu dan il-perjodu jerġa’ jiftħilha għajnejna – ejjew niffokaw għajnejna u qalbna fuq ix-xemgħa li tiddi bil-qawwa u li hi Ġesù nnifsu. Dija li tinsab dejjem hemm – fil-fond ta’ qlubna – fost kull forma ta dlam.
Fl-evanġelju, Ġesù jwissina sabiex inkunu ippreparati. Kemm aħna ppreparati? Wieħed qatt jista’ ikun ippreparat biżżejjed? Forsi le. Iżda dan m’għandux iġiegħelna ninkwetaw wisq. Dak li jrid Ġesù mhuwiex li l-bniedem ma jiżbaljax; hu irid dik il-persuna li, fost kull fraġilità u dnub, fost kull falliment u imperfezzjoni, kapaċi tibqa’ miftuħa u umli għall-imħabba, il-fejqan, u l-maħfra tiegħu. L-għan mhuwiex ‘li qatt ma nfallu’, imma li volontarjament inħallu lilna nfusna niġu mmexxija minn Ġesù – għal darba wara l-oħra. Dan hu li jfisser li tkun imqajjem. Ifisser li tkun taf x’inhu importanti u x’inhu inqas importanti. Ifisser li tkun taf tkun umli u kif tirċievi. Ifisser li tagħmel l-ħin biex tiskopri lilek innifsek fid-dawl tal-kreatur tiegħek – li tirrifletti fuq il-kapaċità tiegħek li tħobb lill-oħrajn u lilek innifsek bħal ma jħobb hu.
Ġesù twieled għax Marija qalet “iva” lill-Missier u għax Marija kienet lesta biex tafda lill-Missier kompletament! Aħna lesti nagħmlu hekk? Qed ngħixu bħal Marija? Huwa jekk inkunu bħalha biss li nistgħu nittamaw li nirċievu lil Ġesù tassew. Dan huwa vjaġġ li fih aħna niġu mgħejjuna u mmexxija – vjaġġ li fih il-Missier innifsu jgħinna. Infatti, l-Avvent huwa mod wieħed mil-ħafna li bih Alla jilħaqna. Imma aħna rridu wkoll naċċettaw. Allura ejja nippruvaw, nibdew mil-lum. Tabilħaqq, nippruvaw biss nistgħu!”ħudu l-ħin biex tkunu konxji li f’nofs it-tħejjijiet impenjattivi tagħkom għaċ-ċelebrazzjoni tal-milied, Kristu jerġa’ jitwieled f’Betlem ta’ djarkom u tal-ħajja ta’ kuljum. Ħudu l-ħin, kunu kwieti u konxji ghal dak il-Misteru Divin li jidher daqstant komuni u daqshekk ordinarju iżda li huwa infatti preżenti b’mod tal-għaġeb fost il-ħajja tagħna ta kuljum” – Edward Hays, Almanakk tal-Pellegrin