L-Evanġelju tal-lum jingħaqad mat-tnejn ta’ qablu u jkompli jurina min hu Ġesù. Flimkien il-ġrajja tal-għorrief li jżuru liċ-ċkejken Ġesù bir-rigali tagħhom, il-magħmudija ta’ Ġesù u leħen il-Missier u l-miraklu tal-lum, jirrivelawlna lil Ġesù. Il-miraklu tat-tieġ ta’ Kana, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa deskrit bħala “l-ewwel sinjal” li bih Ġesù “wera l-glorja tiegħu.” Ġesù ma jagħmilx dawn is-sinjali jew mirakli biex jiftaħar jew isir popolari, iżda kif jgħidilna San Ġwann lejn l-aħħar tal-Evanġelju tiegħu, dawn Ġesù għamilhom “sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġw 20, 31) Fil-fatt dan għamluh id-dixxipli li kienu miegħu fit-tieġ, “d-dixxipli tiegħu emmnu fih.”
San Ġwann juża l-kelma sinjali u mhux mirakli minħabba li dawn il-ġrajjiet juruna dejjem aktar min hu Ġesù u jagħtuna r-raġuni għalfejn hu ġie fid-dinja. Ġesù jibdel l-ilma li l-Lhud kienu jużaw għall-purifikazzjoni b’inbid mill-aqwa. Ġesù għażel li jibdel l-ilma li kien hemm f’dawn il-ġara, seta’ kieku ried jibdel ilma li tpoġġa fil-ġarar li qabel kellhom l-inbid, u li kienu iżgħar. Iżda Ġesù għażel li jagħti ħafna aktar inbid milli kien hemm bżonn, dan hu simbolu tal-imħabba u ħniena ta’ Alla li jagħti b’abbundanza lill-poplu tiegħu.
Dan l-ewwel miraklu jurina li Alla jiltaqa’ magħna fil-ħajja ordinarja tagħna ta’ kuljum, f’dan il-każ f’tieġ, biex jagħtina l-grazzja abbundanti tiegħu. F’dan l-Evanġelju l-fiduċja f’Ġesù tispikka. Marija turi fiduċja f’Ġesù meta tmur tistaqsih għall-għajnuna u wkoll meta tmur ħdejn il-qaddejja u tgħidilhom, “agħmlu kulma jgħidilkom hu,” meta Ġesù kien għadu kif qalilha “is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Il-qaddejja wkoll wrew fiduċja f’Ġesù. L-ewwel meta mlew il-ġarar bl-ilma u aktar u aktar, meta mingħajr ma daquh, marru u “newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. Din turina l-importanza li jkollna l-fidi. Meta nafdaw f’Alla, huwa jagħmel affarijiet kbar. Ma jfissirx li Alla jagħtina dak kollu li nitolbu għalih. Ifisser iżda li meta nitolbu, aħna nemmnu li Alla qiegħed jisma’ t-talba tagħna u ser iweġibna, b’mod li mhux bil-fors narawh jew nifmuh, u lanqas bil-fors fiż-żmien li tlabna għalih. Il-fidi tgħinna biex nemmnu li Alla hu preżenti u kif Ġesù bidel ħafna aktar ilma f’inbid, milli kien hemm bżonn, Alla lilna jħobbna ħafna aktar milli jistħoqilna.