L-ewwel sinjal

It-Tieni Ħadd ta' Matul is-Sena Ċ

L-Evanġelju tal-lum jingħaqad mat-tnejn ta’ qablu u jkompli jurina min hu Ġesù. Flimkien il-ġrajja tal-għorrief li jżuru liċ-ċkejken Ġesù bir-rigali tagħhom, il-magħmudija ta’ Ġesù u leħen il-Missier u l-miraklu tal-lum, jirrivelawlna lil Ġesù. Il-miraklu tat-tieġ ta’ Kana, fl-Evanġelju ta’ San Ġwann huwa deskrit bħala “l-ewwel sinjal” li bih Ġesù “wera l-glorja tiegħu.” Ġesù ma jagħmilx dawn is-sinjali jew mirakli biex jiftaħar jew isir popolari, iżda kif jgħidilna San Ġwann lejn l-aħħar tal-Evanġelju tiegħu, dawn Ġesù għamilhom “sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.” (Ġw 20, 31) Fil-fatt dan għamluh id-dixxipli li kienu miegħu fit-tieġ, “d-dixxipli tiegħu emmnu fih.”

San Ġwann juża l-kelma sinjali u mhux mirakli minħabba li dawn il-ġrajjiet juruna dejjem aktar min hu Ġesù u jagħtuna r-raġuni għalfejn hu ġie fid-dinja. Ġesù jibdel l-ilma li l-Lhud kienu jużaw għall-purifikazzjoni b’inbid mill-aqwa. Ġesù għażel li jibdel l-ilma li kien hemm f’dawn il-ġara, seta’ kieku ried jibdel ilma li tpoġġa fil-ġarar li qabel kellhom l-inbid, u li kienu iżgħar. Iżda Ġesù għażel li jagħti ħafna aktar inbid milli kien hemm bżonn, dan hu simbolu tal-imħabba u ħniena ta’ Alla li jagħti b’abbundanza lill-poplu tiegħu. 

Dan l-ewwel miraklu jurina li Alla jiltaqa’ magħna fil-ħajja ordinarja tagħna ta’ kuljum, f’dan il-każ f’tieġ, biex jagħtina l-grazzja abbundanti tiegħu. F’dan l-Evanġelju l-fiduċja f’Ġesù tispikka. Marija turi fiduċja f’Ġesù meta tmur tistaqsih għall-għajnuna u wkoll meta tmur ħdejn il-qaddejja u tgħidilhom, “agħmlu kulma jgħidilkom hu,” meta Ġesù kien għadu kif qalilha “is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Il-qaddejja wkoll wrew fiduċja f’Ġesù. L-ewwel meta mlew il-ġarar bl-ilma u aktar u aktar,  meta mingħajr ma daquh, marru u “newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. Din turina l-importanza li jkollna l-fidi. Meta nafdaw f’Alla, huwa jagħmel affarijiet kbar. Ma jfissirx li Alla jagħtina dak kollu li nitolbu għalih. Ifisser iżda li meta nitolbu, aħna nemmnu li Alla qiegħed jisma’ t-talba tagħna u ser iweġibna, b’mod li mhux bil-fors narawh jew nifmuh, u lanqas bil-fors fiż-żmien li tlabna għalih. Il-fidi tgħinna biex nemmnu li Alla hu preżenti u kif Ġesù bidel ħafna aktar ilma f’inbid, milli kien hemm bżonn, Alla lilna jħobbna ħafna aktar milli jistħoqilna.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann  (Ġw 2, 1-11) 

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Istruzzjonijiet u għan

  1. Aqra sew l-Evanġelju biex issir aktar familjari miegħu.
  2. Aħseb dwaru u ara x’qiegħed jgħid lilek personali. Liema hi l-parti li l-aktar li laqtitek? Għaliex?
  3. Il-ġarar mimlija sax-xifer fl-inbid, jirriflettu l-ħniena u mħabba ta’ Alla. Kieku kellek timmaġina ġarra bħala l-ħajja tiegħek, safejn kont timmarka fuq il-ġarra biex turi kemm Alla huwa preżenti fil-ħajja tiegħek? Kemm tħossok mimli/ja bil-grazzja ta’ Alla?
  4. Il-Madonna interċediet għal dawk iż-żewġ għarajjes. Inti ddur lejn il-Madonna u tafdaha bit-talb tiegħek, biex hi tressqu għand Ġesù?
  5. Itlob għaż-żwieġ u għall-familja tiegħek, biex hekk kif Ġesù kien preżenti fit-tieġ ta’ Kana, ikun preżenti wkoll fil-familja tiegħek.
  6. Flimkien bħala familja sibu ħin u post biex taqraw dan l-Evanġelju. L-ambjent jgħin ukoll, għalhekk qabel ma tibdew, fejn ser tiltaqgħu ppreparaw:
    i.Bibbja bil-qari minn San Ġwann (2, 1-11)
    ii.Xemgħa kbira bajda
    iii.Il-mejda fejn hemm il-Bibbja, miksija bi drapp abjad
    iv. Buqar bl-ilma u ritratt tat-tieġ
    v. Computer/laptop bil-qari u clips
  7. Mur fil-parti tat-tfal skont l-etajiet u għamilha flimkien magħhom
  8. Addatta din il-parti skont kif hemm bżonn, tiddejjaqx tkun kreattiv 😊

Intom qatt kontu flowergirls jew pageboys f’xi tieġ? Tafu li anke Ġesù kien imur għat-tiġijiet tal-ħbieb tiegħu? Ejjew naraw x’ġara meta Ġesù mar tieġ f’Kana.

  • Ġesù jista’ jagħmel affarijiet kbar u tal-għaġeb
  • Bħal Marija, aħna rridu nagħtu kas tal-oħrajn
  • Printout tal-attività
  • Lapes 
  • Kuluri 

Kana huwa post qrib ta’ Nazaret fejn kienu joqgħodu Ġesù u Marija. Huma kienu mistednin għal tieġ ta’ xi ħbieb jew qraba tagħhom. Ġesù qiegħed mal-ħbieb tiegħu u l-Madonna tmur ħdejh inkwetata. Kienet ġrat waħda kbira! Kien spiċċa l-inbid. Jekk in-nies l-oħra jindunaw, ara kemm kienu ser jistħu dawn l-għarajjes, għax it-tieġ kien għad baqalu biex jispiċċa! Il-Madonna tistaqsi lil Ġesù biex jgħinhom. X’seta’ jagħmel Ġesù? 

Il-Madonna kellha fidi kbira li Ġesù kien ser jgħinhom lil dawn iż-żewġ għarajjes, għalhekk lill-qaddejja qaltilhom biex jagħmlu dak li jgħidilhom Ġesù. 

Ġesù għamel miraklu u bidel l-ilma f’inbid. Miraklu mhux maġija. Miraklu huwa xi ħaġa li Alla biss jagħmlu u jseħħ meta tiġri xi ħaġa li kienet impossibli li ssir. Il-maġija tista’ tkun spjegata, waqt li ħadd ma jista’ jifhem jew jispjega kif isir miraklu.  

Ġesù ma għamilx dan il-miraklu biex in-nies iċapċpulu! Huwa ried li l-ħbieb tiegħu jemmnu li hu kien Iben Alla u li hu ried isalvahom. U l-istess irid li nagħmlu aħna. Ġesù jrid li nemmnu fih u li nafdaw fih. Meta aħna nagħmlu dak li jixtieq Ġesù, affarijiet tajba biss jistgħu jiġru. Irridu nagħmlu bħal dawk il-qaddejja. Smajtu x’għamlu? 

Meta Ġesù qalilhom jimlew il-ġarar bl-ilma, huma obdew. Obdew ukoll meta qalilhom biex imorru jagħtu minn dan l-ilma lil dak ir-raġel li kien qiegħed jieħu ħsieb it-tieġ. Kieku intom x’kontu tagħmlu? Kontu tmorru tagħtuh l-ilma li kien fil-ġarar li jintużaw biex jaħslu jdejhom fih?

Il-qaddejja kellhom fiduċja f’Ġesù, u obdewh. Kieku ma obdewhx, x’taħsbu li kien jiġri?

Minħabba li l-qaddejja obdew lil Ġesù, in-nies lanqas biss indunaw li kien spiċċa l-inbid. Ħadd ma waqqa’ lill-għarajjes għaċ-ċajt għax ma kinux xtraw biżżejjed inbid. L-istess jiġri lilna. Ġesù affarijiet tajba biss jista’ jagħmel u jagħtina. Għalhekk meta aħna nobdu lil Ġesù, aħna nkunu żguri li ser tiġri xi ħaġa tajba!

Dan il-miraklu sar għax il-Madonna riedet tgħin lil dawk l-għarajjes. Meta ndunat li l-inbid kien spiċċa, marret tistaqsi lil Ġesù biex jgħinhom. U hekk għadha tagħmel magħna wkoll. Aħna nistgħu nitolbu lill-Madonna biex tgħin lilna jew lil xi ħadd ieħor fil-bżonn. Nistgħu nitolbuha biex Ġesù jfejjaq xi ħbieb tagħna li huma morda. Fl-attività tal-lum għandkom stampa ta’ ġarra. Fiha ser tpinġu dik is-sitwazzjoni li tixtiequ titolbu lil Ġesù għaliha.
Wara li tkunu lesti mit-tpinġija tagħkom, isimgħu, The miracles of Jesus li ssemmi aktar mirakli ta’ Ġesù.

Inroddu s-salib.

Ħarsu lejn l-istampa li penġejtu u agħmlu t-talba tagħkom (ġenituri, għinu lit-tfal jifformolaw talba minn dak li pinġew)
Madonna, jiena naf li inti tħobbna ħafna. Jien naf li inti tisma’ t-talb tagħna u twassalhom lil Ibnek Ġesù. Illum nixtieq nitolbok … (semmi dak li tkun penġejt).

Bil-qalb, għid it-talba tas-Sliema.

Introduzzjoni

Ġesù bħalna kien jieħu gost imur għall-parties mal-ħbieb tiegħu. Fl-Evanġelju tal-lum, ser nisimgħu dwar meta Ġesù mar tieg f’Kana.

  • Dejjem għandna nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù
  • 2 printouts tal-attività tal-lum
  • Lapes

Illum smajna dwar meta Ġesu, flimkien mal-Madonna u mal-ħbieb tiegħu, mar għal tieġ f’Kana. Waqt it-tieġ, il-Madonna ndunat li spiċċa l-inbid. Hi tmur tistaqsi lil Ġesù biex jgħinhom, għax ma xtaqitx li l-għarajjes jaqgħu għaċ-ċajt mal-mistednin tagħhom. Ġesù jisma’ mill-Madonna u jgħid lill-qaddejja biex jimlew il-ġarar bl-ilma. L-ilma jinbidel f’inbid u t-tieġ ikompli u ħadd ħlief il-qaddejja, il-Madonna, Ġesù u l-ħbieb tiegħu, ma ndunaw li kien spiċċa l-inbid. Ġesù għamel dan il-miraklu mhux biex in-nies ifaħħruh, iżda biex id-dixxipli tiegħu jemmnu fih. Il-mirakli li jagħmel Ġesù juruna kemm hu kbir Alla u jgħinuna nemmnu fih.

Minn dan l-Evanġelju nitgħallmu li Alla jista’ jbiddel l-affarijiet. Ġrajja li kienet se tispiċċa f’ħafna niket għall-għarajjes, inbidlet f’waħda ta’ ferħ. Alla jista’ jbiddel anke l-ħajja tagħna. Jekk aħna rridu nistgħu nħalluh ibiddel dak li nagħmlu ħażin, bħal xi vizzju li nigdbu, jew li ngħidu kliem pastaż. Imma Alla jista’ jbiddilna biss, jekk verament irridu ninbidlu u nafdaw fih. Irridu nagħmlu dak li l-Madonna qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Meta nagħmlu dak li jgħidilna Ġesù jiġru affarijiet li qatt ma stennejna. Meta Ġesù bidel l-ilma f’inbid, mhux biss kien hemm aktar inbid milli kien hemm bżonn, imma l-inbid kien mill-aqwa, kien ħafna aktar tajjeb minn dak li kienu xtraw l-għarajjes. Meta nafdaw lil Ġesù, hu jista’ jagħmel affarijiet meraviljużi fina u permezz tagħna, hu jagħmel affarijiet li aħna qatt ma ħsibna li jistgħu jiġru!

Għall-attività tal-lum ser tagħmlu 2 printouts biex ikollkom 6 ġarar. F’kull ġarra ser tiktbu talba. Din tista’ tkun talba għalikom, biex per eżempju titolbu lil Ġesù jgħinkom tieqfu tagħmlu xi ħaġa ħażina bħal gideb. Jew tistgħu bħal Madonna titolbu għal xi ħadd li tafu li għandu bżonn l-għajnuna ta’ Ġesù.  Meta tlestu dawn it-talb poġġuhom fir-rokna ta’ talb tagħkom, jew ħdejn is-sodda, biex matul il-ġranet li ġejjin terġgħu taqrawhom u tresqu dawn it-talbiet quddiem Ġesù. 

Wara li tlestu t-talb, isimgħu, Water to wine

Inroddu s-salib.

Għidu bil-qalb u b’fidi kbira, waħda jew aktar mit-talb li ppreparajtu.

Kif tuża din il-paġna

Alla jkellimna b'ħafna modi, inkluż bil-qari mill-Bibbja fil-Quddiesa. Hawnhekk tista' ssib tagħrif u attivitajiet marbuta mal-qari tal-Quddiesa tal-Ħadd u li għandhom jispirawk tgħix kuljum dan il-qari mill-Bibbja.